Riflessjoni għall-festa tat-Trinita Qaddisa
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Minkejja li faċli tieħu ritratt bi smartphone, xorta waħda għad hawn ħafna li jgħixu mill-fotografija. F’okkażjoni speċjali bħall-magħmudija, praċett, griżma jew tieġ, ħafna minna ma jikkuntentawx b’ritratt mill-mobile phone, imma jħossu l-bżonn li jqabbdu lil xi ħadd professjonali. F’dawn il-mumenti speċjali naħtfu l-okkażjoni biex nieħdu ritratt tajjeb ħalli jkollna immaġni tagħna nfusna, li nkunu kuntenti biha. Barra minn hekk infittxu li nieħdu wkoll ritratt tal-familja biex inżommu immaġni tal-familja fi gwarniċ ħdejn il-bieb tad-dar tagħna. Ritratt mhux biss ifakkarna min aħna, imma wkoll juri lil oħrajn x’inhu veru mportanti għalina: bħal pereżempju l-istess familja tagħna.
Illum mal-Knisja qed niċċelebraw wieħed mill-akbar misteri tal-fidi tagħna: it-Trinità Qaddisa. It-Trinità Qaddisa wkoll ħalliet l-immaġni tagħha, mhux għax għandha bżonn tiftakar min hi, imma għalina, biex nagħrfu min hu Alla u x’inhu l-aktar importanti għalih. X’naraw fit-Trinità Qaddisa? Meta nisimgħu l-kelma “Trinità,” moħħ ħafna minna jaħseb li qed nittrattaw ma’ wieħed mill-artikli l-aktar diffiċli li għandna fil-fidi tagħna: “Tliet Persuni f’Alla wieħed.” U forsi ngħidu: “Kif jista’ jkun?” Kemm għorrief u teologi ppruvaw jifhmu xi ħaġa minn dan il-misteru u ma rnexxielhomx! Kemm simboli nippruvaw infittxu biex nifhmu xi ħaġa dwar it-Trinità Qaddisa! Kemm nitħabtu biex forsi nsibu sens f’din id-duttrina tal-fidi! Dan kollu minħabba li aħna mdorrijin wisq nifhmu kollox bil-loġika, bil-kalkolu, u bir-raġuni. Imma għandna nħarsu lejn it-Trinità Qaddisa minn perspettiva differenti. It-Trinità hi ħajja li rridu ngħixuha aktar milli duttrina li nitgħallmuha; hi esperjenza ta’ mħabba aktar milli ħsieb teoloġiku. It-Trinità mhijiex idea dwar Alla, imma Alla tassew. U Alla huwa relazzjoni. Alla huwa mħabba li tingħata. Alla huwa komunjoni. Il-Missier iħobb lill-Iben. L-Iben jagħti lilu nnifsu lill-Missier. U l-Ispirtu s-Santu huwa r-rabta ħajja ta’ dik l-imħabba. Dan ifisser li fil-qalba stess ta’ Alla hemm moviment ta’ mħabba, ta’ għotja, ta’ għaqda. Jekk aħna maħluqin fix-xbieha ta’ Alla, dan ifisser li aħna wkoll maħluqin biex ngħixu f’relazzjoni.
Ir-ritratt tat-Trinità Qaddisa hi proprju FAMILJA; kull komunjoni ta’ mħabba vera. Nemmen li tassew għandna bżonn inħarsu lejn it-Trinità bħala mudell għall-familji tagħna. Il-familja mhijiex sempliċement post fejn noqogħdu flimkien, imma hi aktar spazju ta’ mħabba, ta’ rispett, ta’ komunikazzjoni. llkoll nafu kemm il-familji qed jgħaddu minn sfidi minħabba ħajja mgħaġġla, stress, pressjoni ekonomika, nuqqas ta’ ħin, argumenti, u feriti li jiġu kkawżati matul iż-żmien. Kultant insibuha tassew iebsa biex noqogħdu bilqiegħda flimkien, nisimgħu u nitkellmu minn qalb għal qalb ma’ xulxin. It-Trinità Qaddisa tfakkarna li relazzjoni b’saħħitha titlob ħin, smigħ u paċenzja. Ma jistax ikollok għaqda mingħajr ma titgħallem tagħti spazju lill-ieħor. Il-festa tal-lum tista’ tkun opportunità tajba biex nagħtu titwila lejn il-familja tagħna u nosservaw x’qed jiġri fiha. Jista’ jkun li hemm bżonn nagħtu spazju aktar lil xulxin, nisimgħu u nifhmu aktar lil xulxin, jekk hux ukoll naħfru u nerġgħu nirrikonċiljaw ruħna minħabba li nħossuna mweġġgħin. Kemm tkun sabiħa l-festa tat-Trinità jekk tgħinna nersqu lejn komunjoni akbar fil-familji tagħna!
Meta nitkellmu minn familja ma rridux nieqfu biss fuq il-familji partikulari tagħna, imma wkoll il-Familja l-kbira li tiġbor fiha l-familji Nsara: il-Knisja. Il-Knisja wkoll għandha tkun xbieha ħajja tat-Trinità. Fil-Knisja m’għandu jkun hemm ebda lok ta’ kompetizzjoni, klikek, jew post fejn inħarsu lejn xulxin b’suspett. Irridu nistqarru li hi sfida kbira biex inħaddnu u ngħixu f’komunjoni vera bejnietna. Kultant fil-Knisja wkoll nistgħu nispiċċaw ngħidu fuq xulxin, niġġudikaw u nikkawżaw firdiet b’tixwix li jkun għaddej fostna. Meta jiġri hekk inkunu qed nitbiegħdu mill-qalb ta’ Alla, għax Alla huwa għaqda. Dan ma jfissirx li dejjem irridu naqblu fuq kollox, imma li nibqgħu nħobbu anke meta ma naqblux. Kemm hi ħaġa sabiħa meta ssib komunità Nisranija magħquda! Meta n-nies jilqgħu lil xulxin u min jidħol għall-ewwel darba ma jħossux eskluż u barrani. Meta l-foqra jsibu min jismagħhom u l-anzjani ma jkunux minsijin. Din hi l-Knisja li tirrifletti lit-Trinità.
Minkejja li mhix faċli, ejjew nimpenjaw ruħna aktar biex fostna jkun hawn komunjoni vera, ħalli minn issa jkollna sehem mill-ħajja ta’ Alla Trinità.
