Riflessjoni għal Ħadd il-Palm
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Mhux l-ewwel darba li biex tixtri xi servizz, tiġi mitlub tagħmel kuntratt. Il-kuntratti saru ferm komuni. Imma mhux neċessarjament li kull kuntratt jiġi dejjem irrispettat. L-istess nistgħu ngħidu fejn jidħlu l-ġuramenti, ġieli anke għal ħaġa żgħira tiġi mitlub li tagħmel affidavit u tieħu ġurament, imma anke hawn, mhux neċessarjament ġurament tista’ torbot fuqu dejjem. Anke fejn jidħlu wegħdi, solenni jew le, mhux l-ewwel darba li l-wegħdi ma jiġu qatt fis-seħħ. Donnu tassew li “mill-kliem għall-fatti hemm baħar jikkumbatti.”
Waqt ir-rakkont tal-passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu, li se naqraw illum, nistedinkom titfgħu l-attenzjoni tagħkom fuq Pietru. Fost l-oħrajn nisimgħu l-wegħda solenni li għamel. Hu wiegħed li kien se jibqa’ ma’ Ġesù sal-aħħar, anke jekk ikun hemm bżonn li jmut miegħu. Wegħda li nafu li ma żammiex meta ġiet is-siegħa tal-prova. Bla dubju Pietru ma riedx iqarraq b’Ġesù imma ċ-ċirkustanzi li sab ruħu fihom għamluhielu diffiċli biex jibqa’ sod. Ġesù kien avżah minn qabel, għax Ġesù kien jafu sew lil Pietru. Kien jaf li Pietru ma kienx jaħsibha darbtejn biex jesprimi dak li jħoss, imma kien jaf ukoll id-djugħfija ta’ Pietru. Pietru kien beżżiegħ u l-biża’ kienet iżżommu lura milli jwettaq dak li jkun jixtieq. Jista’ jkun li, bħal Pietru, aħna wkoll kapaċi nwegħdu u nidħlu għal ħafna mpenji meta nħossuna tajjeb, imma mhux neċessarjament inkunu kapaċi nżommu dak li wegħdna fi żminijiet diffiċli. Importanti għalhekk, li nirrealiżżaw il-bżonn li nibqgħu nitolbu biex ma nidħlux fit-tiġrib. Fil-Ġnien taż-Żebbuġ Pietru flok talab, raqad, u meta ħass li kien hemm theddida ħareġ is-sejf u lesta ruħu għall-ġlied; xejjer is-sejf u qata’ barra l-widna tal-qaddej tal-Qassis il-Kbir. Pietru afda wisq fuq il-ħila u l-kapaċità tiegħu, u kien hemm li tfixkel u ċeda. Il-ġnien, li għal Ġesù kien il-post tat-talb, għall-Pietru kien il-post tat-taqbid. Kien hawn meta Pietru nfired mill-imgħallem tiegħu, mhux biss fiżikament, imma wkoll fil-prinċipji u l-valuri; Ġesù jafda fit-talb, Pietru jafda fis-sejf u fih innifsu.
Pietru baqa’ jsegwi mill-bogħod, jipprova jibqa’ jsewgi fil-moħbi dak li kien għaddej minn għala Ġesù. Imma xejn ma jibqa’ fil-moħbi, għarfuh, iffaċċjawh u nterrogawh għax kien wieħed mid-dixxipli li kienu jkunu dejjem ma’ Ġesù. Ta’ min jinnota li waqt il-ħin tal-interrogazzjoni ta’ Ġesù fid-dar tal-Qassis il-Kbir, kienet għaddejja l-interrogazzjoni tad-dixxiplu fuq barra. Imma waqt li Ġesù stqarr il-verità, id-dixxiplu beża’ u daħal f’gidba. Mill-ġdid tidher firda oħra sostanzjali bejn Ġesù u d-dixxiplu: Ġesù xhud tal-verità, d-dixxiplu jsib ruħu f’ġidba wara l-oħra. Kienu ħafna l-insara li quddiem it-theddida tad-dinja ċedew u għażlu li jmorru kontra dak li emmu fih; ħafna jitbgħedu mill-Mulej minħabba l-persekuzzjoni, ħafna jitfixklu quddiem xi traġedja li tkun ġratilhom f’ħajjithom, ħafna jħallu l-fidi tagħhom minħabba nġustizzji li jaraw iseħħu quddiem għajnejhom. Għalhekk jeħtieġ li ngħarfu l-bżonn tal-għajnuna ta’ Alla u nitolbu lil Mulej jgħinna nżommu l-wegħda li għamilna fil-magħmudija: dik li nwarrbu l-ħażin u l-qerq kollu tax-xitan u nagħżlu kuljum lil Alla Trinità f’ħajjitna. Wegħda li se nġeddu nhar l-Għid il-Kbir. Ejjew nitlobu biex inkunu kapaċi nibqgħu fidili għall-wegħdiet oħra li għamilna f’ħajjitna, bħal dik taż-żwieġ jew wegħdiet marbuta mal-istil tal-ħajja tagħna. Nitolbu biex meta nagħtu kelma lil xi ħadd inkunu kapaċi nżommuha.
Minkejja li Pietru ma’ żammx l-wegħda tiegħu, xorta ma kienx spiċċa kollox għalih. Kien fi ġnien ieħor fejn ħass lil Mulej isejjaħlu mill-ġdid. Meta mar jiġri u daħal fil-qabar vojt il-Ħadd filgħodu, ħass mill-ġdid rabta qawwija mal-Mulej. Il-qawmien ta’ Ġesù ġġedded lil Pietru u wasslu biex iħobbu aktar minn qatt qabel. Issa ħass li m’għandux għalfejn jagħmel wegħdi solenni. Biżżejjed għalih li jħobb lil Ġesù b’qalbu kollha, issa kien ifittex li jinġabar fit-talb, kif naqraw fl-Atti tal-Appostli. B’dan il-mod kien lest li jintelaq għar-rieda ta’ Alla. U iva, wasal il-jum li ta ħajtu għal Mulej fil-martirju, u dak li wiegħed fiċ-ċenaklu wettqu. J’Alla din l-ġimgħa li se nidħlu għaliha tgħinna nżommu l-wegħdiet tal-magħmudija tagħna u kull wegħda oħra li nagħmlu quddiem Alla u quddiem l-oħrajn.