Riflessjoni għar-4 Ħadd ta' matul is-sena

Riflessjoni għar-4 Ħadd ta' matul is-sena

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

X’jonqosna? Għandna kull ma rridu u possibli jkollna ħajja tassew komda!  X’jonqosna? Nistgħu nsibu soluzzjoni għal kollox; jeżisti kull aċċessorju mmaġinabbli biex ngħixu easy life! X’jonqosna? Kull mistoqsija li tqum kapaċi nfittxu tweġiba għaliha immedjatament fil-google! Madankollu xorta ma nistgħux ngħidu li sibna l-kuntentizza. Il-kumdità u l-easy life mhumiex garanzija għall-hena, tant hu hekk, li nies li għandhom kull ma jridu xorta jistgħu jkunu ndannati.

Mgħiduha kif inhi, ilkoll nixtiequ nkunu kuntenti; tista’ tgħid li kull ma nagħmlu nagħmluh biex insibu ftit hena f’ħajjitna. Dan minħabba li lkoll għandna esperjenzi iebsin fejn inħossuna mdejqa, mtaqqlin jew imkissrin; ilkoll ġieli nħossuna bored fil-ħajja. F’dawn il-mumenti għandna għażla x’nagħmlu - jew nintelqu u nispiċċaw depressed, jew nagħmlu xi ħaġa biex noħorġu minn dik is-sitwazzjoni. Ħafna drabi challenge jgħinna nsibu dak is-sodisfazzjon u l-ferħ li nkunu qed infittxu; dak li jżid l-adrenalina fina, jagħtina enerġija ġdida biex nibqgħu għaddejjin, anke f’mumenti diffiċli.  Fil-fatt diversi minnha ma jiddejqux jidħlu għal challenges kbar jew ifittxu xi tip ta’ avventura biex iħossuhom aħjar. Per eżempju hawn min jgħix f’villa jew f’dar sabiħa imma kultant jieħu gost imur camping taħt tinda. Jew hawn min jipparteċipa f’maratoni iebsin li jkunu qed jiġu organizzati minn żmien għal żmien biex jinġabru fondi għal xi kawża ġusta. Hawn min isiefer f’pajjiżi eżotiċi li joħolqu aktar sfidi milli mistrieħ. Dawn iċ-challenges, dawn l-avventuri jagħtu togħma ġdida lil dak li jkun.

Imma l-hena vera ma tiġix mill-attività esterna. Anke spiritwalment hemm bżonn li nkunu avventurużi. Ħafna nsara mhumiex sodisfatti bil-ħajja nisranija tagħhom. Hawn diversi nsara li xebgħu u jħossuhom diżillużi, mdejqa u bla ħeġġa ta’ xejn. Anke hawn hemm bżonn ta’ għażla: jew nintelqu u nabbandunaw kollox, jew nagħmlu xi ħaġa biex nerġgħu nsibu l-ferħ u l-hena li wiegħed Ġesù lil dawk li jħobbuh.

Ġesù qed jipproponilna li nidħlu, mhux għall-challenge waħda li żżid fina l-adrenalina, u nħossuna sodisfatti,  imma għal challenging life style. L-istil ta’ ħajjitna kollha jsir sfida kontinwa. Fl-Evanġelju tal-lum għandna quddiemna l-bidu tad-diskors tal-muntanja; diskors importanti ferm, li se nkomplu naqraw matul il-Ħdud li ġejjin. Hawn Ġesù qed jistedinna nitilgħu miegħu fuq il-muntanja; din biss diġà hi sfida kbira! Għal min ġieli mar fuq il-muntanji jaf li mhix faċli titla’ fuq muntanja, u aktar ma tkun muntanja għolja aktar issir diffiċli, imma meta tasal fil-quċċata u tieħu nifs, tħossok tassew sodisfatt. Il-muntanja li qed jistedinna nitilgħu miegħu Ġesù, hi l-muntanja tal-ħajja nfisha.

Ġesù ma jridniex ngħixu easy life style imma challenging life style. Il-kuntentizza vera mhix sempliċement feeling u għalhekk mhix kwistjoni li tagħmel xi ħaġa biex tħossok happy int u daqshekk. Mhux dak li għandek se jagħmlek kuntent, anqas l-attività tal-ħajja tiegħek ta’ kuljum ma hi s-soluzzjoni għall-hena. Imma li jwasslek għall-hena vera hu dak li int.  Il-kelma li juża’ Ġesù fil-beatitudnijiet hi “Imberikin,”” li tfisser iffortunati, għax intom iffavoriti minn Alla.”  Li nkunu nafu li aħna tassew iffavoriti minn Alla tagħmilna spiritwalment ħajjin.

Aktar ma nkunu miftuħa għalih, aktar se titqawwa l-adrenalina spiritwali. Imma li nkunu miftuħa għal Alla tfisser ukoll li nkunu miftuħa għall-oħrajn, u din tkompli żżid l-adrenalina spiritwali fina. Il-ħajja spiritwali hi kwistjoni ta’ relazzjonijiet; fil-ħajja spiritwali d-dinja ma ddurx miegħi biss - mhux jien, jien, jien, imma hemm l-ieħor ukoll. Ġesù ma jgħidx “imbierek” imma “imberkin.”  Hi sfida li tgħix f’komunità! Id-dinja tipproponi l-ferħ u l-hena tagħha billi tgħidlek aħseb għal rasek, ara kif tidher int, għax ħadd ma hu se jaħsillek wiċċek biex tidher aħjar minnu, imma Ġesù jipproponi life style differenti – il-life style tal-ieħor; li tkun kapaċi toħroġ għal oħrajn u tipparteċipa biex tinbena komunità vera – din altru hi challenge! Dan iċ-challenge iwassal tassew għal hena vera li wiegħed Ġesù. Ma nfittxux għalhekk ħajja nisranija komda imma nibqgħu nfittxu t-triq taċ-challenge billi noħorġu u nitilgħu fuq il-muntanja mal-Mulej u mal-oħrajn.