Riflessjoni għar-4 Ħadd tal-Għid

Riflessjoni għar-4 Ħadd tal-Għid

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Għandi dubju kemm għad baqa’ rgħajja f’pajjiżna!  Il-ftit ngħaġ li baqa’ jinsabu msakkra fl-irziezet; jieklu biss għalf proċessat u għalhekk, qatt ma għadek tara Mrieħel jirgħu. Niftakar meta kont żgħir, spiss kont tilmaħ lil min jagħmel ġranet sħaħ idur bi ftit ngħaġ biex forsi jlaqtu xi ftit ħaxix! Ir-rgħajja kellhom l-ħin kollu għan-ngħaġ. Illum nqisu li dan ix-xogħol mhux vijabbli, għax ma jħallix qliegħ. Hemm differenza kbira bejn ir-ragħaj tal-imgħoddi u r-raħħal tal-llum. Irid jew ma jridx, ir-raħħal ikollu jqis x’jonfoq u jikkalkula kemm se jkollu dħul mill-merħla tiegħu. In-nagħaġ jarahom profitt! Iqis kemm jipproduċu ħalib, kemm se jdaħħal mis-suf u kemm il-siegħa ta’ xogħol qed jagħmel magħhom. Jekk ma jkunux qed jagħtuh qligħ biżżejjed, jikkonsidra jekk hux aħjar joħodhom l-biċċerija u jbiegħ laħamhom, b’hekk jagħmlu spazju għal nagħaġ ġodda li jagħtuh aktar profit. Donnu r-relazzjoni man-nagħaġ hi biss waħda kummerċjali. X’differenza mir-ragħaj vera!

Jekk inkomplu nosservaw id-differenzi bejn nagħaġ li jkunu fir-razzett u nagħaġ li jirgħu, malajr nintebħu b’differenza kbira. In-nagħaġ fir-razzett huma protetti mill-periklu aktar minn nagħaġ li jirgħu, imma ma jgħaddux mill-esperjenzi li jgħaddu n-nagħaġ, li r-ragħaj joħroġhom barra. Huma qiegħdin ġewwa bla gost ta’ xejn, jieklu u jorqdu u jistennew lir-raħħal jersaq lejhom biex jieħu xi ħaġa minn għandhom. Għall-kuntrajru, n-nagħaġ imdawrin ma’ ragħaj, iħabbtu wiċċhom ma’ aktar inkwiet, imma kapaċi jserħu moħħhom u jgawdu l-ħajja ferm aktar għax ikunu ma’ ragħaj. Ir-ragħaj jipproteġihom, jitħabat biex n-nagħaġ isibu biżżejjed ikel x’jieklu, u jekk ikun il-każ jitqabad għalihom. Ir-ragħaj li hu ragħaj, ifittex li jkun man-nagħaġ, bla ma jqis xejn. Il-gost tiegħu hu li jara n-nagħaġ imdawrin miegħu u jekk jara xi nagħġa li qatgħet lura aktar idur biha u jieħu ħsiebha; altru li ma jarahiex bħala xkiel u jeħles minha! 

Ġesu’ qed iqabbel lilu nnifsu ma’ ragħaj ta’ veru. Hu qatt ma jqis x’niswewh, anqas ma jikkalkula x’nistgħu nagħtuh lura; ma jfittix dak li nistgħu nipproduċu imma sempliċiment irid ikun magħna – iridna nimxu miegħu għall-ġid tagħna stess. Jaf li jekk ninqatgħu għal rasna, se nintilfu u għalhekk jibqa’ jiġborna u jkellimna. Għalhekk, illum qed jgħidilna: ‘in-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni’. Hu jagħti sens lil ħajjitna bl-istess kelma li jgħidilna. Kelmtu ssir avventura li tagħti l-ħajja ta’ dejjem. In-nagħaġ li jibqgħu miġbura flimkien miegħu, jimxu mit-triq li jgħaddi minnha hu, u jserħu rashom għax qiegħdin miegħu. Anke jekk iħabbtu wiċċhom mal-gwaj, jibqgħu mimlija fiduċja li se jirbħu dak it-tiġrib. Ġesu’, ir-ragħaj il-kbir, ġie midrub imma ħareġ rebbiegħ saħanistra fuq il-mewt. Din il-fidi li twassal lis-segwaċi ta’ Ġesu’ li jibqgħu miexja miegħu anke’ meta jiffaċjaw it-tiġrib. Fit-tieni qari tal-lum, Ġwanni jitkellem mill-martri; mill-kotra kbira, li ħadd ma jista’ jgħoddha, lebsin ilbiesi bojod, u bil-friegħi tal-palm. Xena ta’ kotra rebbiegħa, imma kotra li ġejja mit-taħbit il-kbir.

Fl-Evanġelju tal-ġimgħa l-oħra, Ġesu’ qal lil Pietru biex jirgħa lin-nagħaġ u l-ħrief tiegħu. Hu afda l-merħla maħbuba tiegħu f’idejn dawk li għażel biex ikomplu l-missjoni tiegħu. Illum qed nagħmlu jum il-vokazzjonijet saċerdotali u reliġjużi. Naħseb li lkoll kemm aħna konxji, li l-għadd ta’ rgħajja li jirgħu f’isem Ġesu’ qed jonqos u jonqos sew; jista’ jkun li għax il-ħidma ta’ saċerdot fil-knisja ma għadiex titqies vijabbli, l-istess kif ma għadux jitqies vijabbli x-xogħol ta’ ragħaj!  Imma l-Mulej xorta għadu jsejjaħ persuni biex jirgħu f’ismu, għax il-Mulej irid jibqa’ jagħtina sens f’ħajjitna, ma jridniex inkunu bħal nagħaġ f’rażżett – nieklu u nixorbu, nistrieħu u niproduċu xi ħaġa biss u mbagħad mmutu, imma jridna NGĦIXU. Is-saċerdot hu msejjaħ biex ikun man-nies, u l-aktar ma’ min hu ferut u dgħajjef. Is-saċerdot hu msejjaħ biex iressaq lill-ġemgħa ħa tiekol mill-ikel tal-Mulej, kif wkoll imsejjaħ biex jiddefendi u jekk ikun hemm bżonn jagħti ħajtu kif ta’ ħajtu Ġesu’. Il-preżenża tas-saċerdot tfakkarna li aħna għeżież wisq f’għajnejn Alla – għadna dinjita’ kbira u ma jrid bl-ebda mod jarana niġu kkunsmati f’dinja ta’ kummerċ.

Ejjew għalhekk, nitolbu li jkollna saċerdoti qaddisin li tassew jigwidawna fit-triq tal-Mulej li twassal għall-ħajja ta’ dejjem mal-qtajja bla għadd ta’ rebbieħa.