Riflessjoni għar-4 Ħadd tal-Għid

Riflessjoni għar-4 Ħadd tal-Għid

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Niftakar meta kont żgħir kont niffaxxina ruħu meta l-iscouts kienu jieħdu sehem f’xi parata. Kont nieqaf niċċassa lejn dak l-iscout li jkun fuq quddiem nett, idawwar lasta u jgħajjat biex jagħti l-ordinijet lill-iscouts l-oħra li jkunu warajh. Ovvjament meta kbirt ftit indunajt li dak l-iscout kien wieħed mil-leaders tagħhom. Dan jiġri f’diversi gruppi li jieħdu sehem f’xi marċ jew parata, bħall-armata, l-pulużija, kif wkoll banded. Ħafna drabi quddiem il-banda jimxu d-diriġenti tal-każin flimkien mas-surmast. F’dawn il-parati u l-mixjiet trijonfali l-post tal-‘leader’ hu fuq quddiem. Pero’ mhux waqt il-parati biss!  Wieħed mil-għanijiet prinċipali ta’ mexxej tajjeb hu li jidderieġi lin-nies tiegħu biex jimxu minn fejn jinsabu għal x’imkien differenti.  Leader tajjeb hu leader ta’ viżjoni. Jaf ‘l fejn irid jimxi u jmexxi l-ġemgħa u fejn irid jasal u jwassal lill-oħrajn. Mexxej tajjeb mhux biss hu bniedem ta’ viżjoni, imma jkollu wkoll il-kapaċita’ li jagħddi l-viżjoni tiegħu lill-oħrajn. B’hekk issibu fuq quddiem net jigwida u jidderiġi.

Illum Ġesu’ qed iqabbel lilu nnifsu ma’ ragħaj. Fir-realta’ ma tantx għandna ċans naraw wisq rgħajja. Ħafna minna, b’mod speċjali l-ġenerazzjonijiet żgħar, qatt ma’ ltaqgħu ma’ ragħaj veru. Imma lkoll nifhmu li l-immaġini ta’ ragħaj hi mmaġini li tirreferi għall-mexxej. Ġesu’ qed jgħidilna li hu tassew mexxej tajjeb, u bħala mexxej jimxi fuq quddiem biex jagħti direzzjoni lil dawk li jsegwuh. Ġesu’ jmexxi lill-maħbubin tiegħu mill-post li qiegħdin fih u jqabbadhom t-triq tal-ħajja ta’ dejjem, imexxiehom lejn l-eternita’ – post li qatt għadhom ma kienu fih! Ġesu’ jimxi fuq quddiem biex inkunu nistgħu nħarsu lejh u nieħdu mingħandu viżżjoni għall-ħajja. Illum Ġesu’ għadu jmexxi permess ta’ nies li jsejjah biex imexxu f’ismu u jigwidaw bit-tagħlim tagħhom lil kull min irid jimxi f’din it-triq lejn il-ħajja ta’ dejjem.

Imma ‘l hemm mill-parati u ċ-ċerimonji, leader tajjeb issibu jimxi man-nies. Fil-ħajja ta’ kuljum sew jekk hu kaptan f’armata, u sew jekk hu surmast f’banda, issibu viċin u ħabib ta’ dawk li jkun qed imexxi.  Il-post ta’ mexxej tajjeb hu qalb in-nies; jfittex li jismagħhom, jinkoraġġiehom u jakkumpanjahom f’dak kollu li jgħaddu minnu. Mexxej tajjeb ikun preżenti ‘l ħin kollu u jfittex li jerfa’ l-piż flimkien mal-oħrajn. Ma jiddejjaqx li jkemmex jew iħammeġ l-uniformi!

Ġesu’, bħala ragħaj tajjeb, insibuh viċin ħafna n-nies. Kuljum kien ikun imdawwar b’folil ta’ nies; kien preżenti għalihom u refa’ magħhom il-piż tal-ħajja. ‘Hu ma qagħadx ifittex dak li hu tiegħu, tneżża minn kollox billi ħa n-natura ta’ lsir’, kif jgħidlna San Pawl (Fil2. 6-8).  Illum Ġesu’ għadu preżeni u qalb in-nies billi sejjaħ ħaddiema bl-abbundanza ħa jkunu f’kull rokna tad-dinja u jakkumanjaw lin-nies f’ismu.   

Meta ssir xi maratona, jew tiġi organiżata xi mixja tal-massa, dejjem issib xi wħud mill-organiżaturi fuq wara net. Ġieli ssib xi karozza jew anke xi ambulanza lesta għal kull eventwalita’. Mexxej tajjeb ma ssibux biss fuq quddiem, anqas jibqa’ ‘l ħin kollu qalb in-nies, imma jippermetti lilu nnifsu li jieħu l-aħħar post biex jieħu ħsieb lil dawk li jinqatgħu lura jew jitilfu t-triq. Kważi kważi l-ħarsa tiegħu tkun aktar fuq dawk li jkaxkru saqajhom, fuq dawk li jgħajjew u fuq dawk li jkunu se jċedu.  Hu jieħu ħsieb lid-dgħajfa u lill-morda. Jkun lest li jieqaf magħhom, u jekk ikun hemm il-bżonn jerfagħhom.

Ġesu’, bħala ragħaj tajjeb wkoll insibuh fuq wara tal-ġemgħa, qrib il-bagħtut, l-fqir, il-marid, u l-midneb.  Tant hu hekk, li Ġesu’ ġie assoċċjat mal-midinbin għax magħhom kien jiekol. Hu stess kien qal li: ‘it-tabib ma jeħtieġuhx dawk li huma b’saħħithom imma l-morda. (Mt 9, 12)’ Illum Ġesu’ għadu jimxi fuq wara tal-ġemgħa, permess ta’ nies li għażel biex jieħdu ħsieb lil dawk li jinsabu għajjenin. Hu kien qal lid-dixxipli tiegħu biex imorru mad-dinja kollha u jaħfru d-dnubiet f’ismu. Il-ministeru tal-fejqan kien u għadu ministeru mportanti ħafna fil-knisja; hu ministeru li għandu jibqa’ jiġi mħares biex ‘ħadd ma jintilef’.

Mela l-post ta’ ragħaj hu fuq quddiem, qalb in-nies u fuq wara tal-merħla. Dan Ġesu’ qed iwettqu permess tal-knisja (permess tagħna) għax xtaq li lkoll nipparteċipaw fit-tmexxija tiegħu. Ejjew ngħarfu aħjar fejn qed ipoġġina biex nkomplu nimxu u mmexxu lejn il-ħajja ta’ dejjem.