Riflessjoni għar-4 Ħadd tal-Għid
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana

Ġesù illum jagħtina xbieha sempliċi imma profonda meta jgħidilna: “Jiena l-bieb tan-nagħaġ.” Hu mhux biss ir-ragħaj, imma wkoll il-bieb. Jekk naħsbu ftit, fil-ħajja ta’ kuljum insibu nies li xogħolhom hu mal-bieb, bħal ngħidu aħna receptionist, security person, porter jew kif qed insejħulu llum welcomer. Għalkemm għandhom job description differenti, kollha għandhom irwol komuni: huma l-ewwel nies li niltaqgħu magħhom hekk kif inħabtu l-bieb, u għalhekk huma l-bidu tal-esperjenza tagħna. Huma jiftħulna l-bieb, jilqgħuna, jiggwidawna, kif ukoll jipproteġuna. Xogħolhom hu xogħol ta’ responsabbiltà kbira, imma fl-istess ħin issibhom ġentili u jippruvaw jagħmlu minn kollox biex inħossuna milqugħa u f’postna. F’Ġesù, il-bieb, insibu li hu ħa fuqu dawn ir-rwoli kollha u tahom tifsira ġdida.
Li nagħrfu lil Ġesù bħala l-bieb ifisser li nkunu qed naċċettaw li permezz tiegħu biss nistgħu nsibu l-ħajja vera. Wara kull bieb hemm realtà unika. Hemm bibien li warajhom issib familji sbieħ, li jgħixu f’armonija, fl-ordni u fl-imħabba. Imma hemm ukoll bibien, li warajhom issib vojt, biża’ u diżordni; issib il-ħmieġ, telqa, jew mard u mewt. Għax fid-dinja hemm ħafna “bibien” li jistgħu jidhru attraenti, bħas-suċċess, il-flus, il-pjaċir u l-poter, imma dawn ma jwassluniex għall-ħajja vera. Xi wħud iwasslu għas-solitudni u l-għejja. Il-bieb Ġesù huwa bieb li joffrilna biss sigurtà, paċi, u ħajja fl-abbundanza tagħha għalkemm jidhru sbieħ, Inħallu, għalhekk, lil Ġesù jkun hu l-uniku bieb.
Ġesù hu tassew receptionist. Il-job description ta’ receptionist mhux biss wieħed amministrattiv imma qabel xejn għandu r-rwol li jilqa’, jisma’ u jiggwida. Importanti li jkun xi ħadd li hu kapaċi jikkomunika sew u jagħti nformazzjoni ċara u korretta, jikkoordina u jżomm lill-klijenti kuntenti. Ġesù tassew jaqdi dan ir-rwol b’mod perfett, għaliex għalih m’aħniex numru; jafna b’isimna, jisma’ l-vuċi tagħna u jsejħilna. Ma jqisx l-istorja tagħna u dak kollu li jiġrilna f’ħajjitna bħala każ fost ħafna każijiet oħra, imma jqis kull ma ngħaddu minnu bħala ġrajja personali ta’ persuna maħbuba. Immaġina ftit meta tiltaqa’ ma’ receptionist u jsejjaħlek b’ismek! Meta għalih ma tkunx numru ta’ kamra, imma persuna unika li jixraqlek kull rispett. Dan ir-receptionist jagħmlek tħossok at home. U dan hu Ġesù!
Ġesù hu wkoll il-porter. Ix-xogħol tal-porter hu wieħed prattiku għax jassisti fil-bżonnijiet li wieħed jista’ jkollu, bħal jgħinu jġorr il-bagalji, jurih it-triq lejn il-kamra u jakkumpanjah f’dak li jkollu bżonn sakemm dak li jkun isib postu. Il-porter Ġesù jgħinna nġorru l-piżijiet tal-ħajja. Kemm għandna bżonn lil xi ħadd li jgħinna quddiem sitwazzjonijiet diffiċli! Ġesù ma jħalliniex inġorru waħedna s-slaleb tal-ħajja; Hu jġorrhom magħna. Hu mhux biss jgħinna nerfgħu imma wkoll jagħti sens lis-slaleb li nkunu qed inġorru, kif ukoll jagħmilhom għodod ta’ salvazzjoni.
Ġesù hu s-security. Is-security għandu r-responsabbiltà li jżomm ’il bogħod kull periklu. Is-sigurtà u l-protezzjoni huma l-aktar ħaġa li jrid jagħti każ, għalhekk issibu jgħasses l-entraturi kollha, jiċċekkja min jidħol u joħroġ, u josserva kull moviment li ma jkunx f’postu. Ikun attent għal kull riskju u jipprevjeni minn qabel inċidenti li jista’ jġarrab min ikun ġewwa. Ġesù jagħmel hekk magħna wkoll, b’mod spiritwali. Hu jħarisna minn dak li jweġġa’ r-ruħ: il-gideb, il-biża’, id-dnub. Hu jżomm barra lill-għadu biex ma jagħmel ebda ħsara lil dawk li jkunu miegħu. Fil-Vanġelu tal-lum naraw li min jidħol mill-bieb hu dak li għandu relazzjoni vera u intima miegħu.
Illum tajjeb li nistaqsu min tassew hu l-bieb li nħabbtu f’ħajjitna? X’vuċijiet qed nisimgħu u nsegwu? Lil min qed inħallu jiggwidana? Niftakru kliem Ġesù, li qal: “Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u jkollkom bil-kotra.” Hu ma jridniex biss neżistu, imma li ngħixu tassew. U wara li nkunu għaddejna minnu u għamilna l-esperjenza tiegħu, nistgħu aħna wkoll insiru bieb għall-oħrajn u nieħdu fuqna dawn l-istess irwoli. Insiru bibien miftuħa għall-oħrajn, u nsiru nies li nilqgħu, li nipproteġu, li ngħinu u li niggwidaw lejn it-tajjeb. Ejjew nitolbu lil Mulej biex nagħrfu dejjem il-vuċi tiegħu, biex nagħżlu lilu bħala l-bieb ta’ ħajjitna, u biex permezz tiegħu nsibu l-ħajja vera.
