Riflessjoni għar-4 Ħadd tar-Randan

Riflessjoni għar-4 Ħadd tar-Randan

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Warda hi fjura tassew sabiħa – vera? Warda fiha ħafna xewk – vera? Jiddependi kif tħares lejha. Hemm min ifittixha meta jmur jixtri ftit fjuri, u hemm min jibża’ jmissa li ma jmurx idaħħal xi xewka f’idu. Kull ħaġa li naraw, narawha mill-perċezzjoni tagħna. Għalkemm inħarsu lejn l-istess realtà, mhux kollha naraw l-istess ħaġa! Ħafna drabi dak li naraw jiddependi mill-esperjenzi tagħna. Jekk xi darba tniggiżt bix-xewk tal-ward, aktar inħares lejn ix-xewk milli lejn is-sbuħija tal-fjura nfisha. Imma jekk il-ward ifakkarni f’xi okkażżjonijiet sbieħ li kelli, inħares aktar lejn is-sbuħija tal-ward milli lejn ix-xewk.

Alla ma jarax kif jara l-bniedem. Hu jħares lejn il-verità kif inhi u mhux skond l-esperjenza tiegħu. Għalhekk hu biss jista’ jgħallimna kif inħarsu b’mod ġdid lejn dak li jiġri madwarna. Min jemmen f’Alla ikun kapaċi jara aktar mill-għajnejn ta’ Alla, milli għax ikun influenzat mill-esperjenzi passati tiegħu. Fl-ewwel qari nsibu r-rakkont meta Ġesse ressaq lil uliedu quddiem Samwel biex minnhom jiġi maħtur sultan, imma ħalla barra liż-żgħir.  Għax skond l-esperjenza tiegħu, ibnu ż-żgħir ma kienx kapaċi jkun sultan. F’għajnejn Ġesse, David kien dgħajjef u ta’ statura ċkejkna: kif seta’ jersaq fuq quddiem net fit-taqbid li jiltaqa’ miegħu bħala sultan? Imma l-profeta Samwel, li kien qed iħares bl-għajnejn ta’ Alla, għaraf li Alla ma kien għażel lil ebda wieħed minn dawk li dehru b’saħħithom u kapaċi.  Alla għażel liż-żgħir, lid-dgħajjef, lil dak li quddiem il-bniedem deher bla ħila – għażel lil David.

Fl-Evanġelu wkoll insibu lil Ġesù jgħin lid-dixxipli tiegħu iħarsu lejn dak li jiġri madwarhom mill-għajnejn ta’ Alla. Hu ried ibiddel il-mod ta’ kif iħarsu lejn ir-realtà tal-ħajja. Ried jiftħilhom għajnejhom biex jaraw dak li sa issa kienu għadhom mhux jaraw.  Hekk kif iltaqgħu mar-raġel għama mit-twelid, huma raw fih bniedem midneb jew bin ġenituri midinba. Imma Ġesù għinhom iħarsu lejn ir-raġel għama mit-twelid bħala glorja ta’ Alla. Id-dixxipli kienu nfluenzati minn mentalità u minn dak li kienu tgħallmu qabel. Kienu jemmnu li l-mard u d-difetti fiżiċi huma kastig ta’ Alla. Dak li nemmnu jiddetermina l-mod ta’ kif inħarsu lejn ir-realtà ta’ madwarna. Imma jekk inkunu kapaċi nħarsu lejn ir-reatlà b’mod ġdid, nistgħu naslu wkoll għal twemmin ġdid. Wara din il-ġrajja, id-dixxipli setgħu iħarsu lejn kull bniedem, immaterjali jekk hux marid jew le, bħala persuna maħbub minn Alla.

Il-proċess tal-fejqan li għadda minnu r-raġel għama, hu l-proċess li għandu jgħaddi minnu kull dixxiplu tal-Mulej biex jara aħjar bl-għajnejn ta’ Alla. Hi inizjattiva ta’ Alla. Kien Ġesù li resaq lejn ir-raġel u mhux ir-raġel resaq lejn Ġesù. Il-Mulej jersaq lejna, imissna u jwassalna biex naraw aktar ċar aħna min aħna u Hu minn Hu. It-trab tal-art ifakkarna minn aħna, ifakkarna li aħna dgħajfin. Imma Ġesù ma jitqażżisx minna. Hu juża’ l-istess djgħufija biex jgħina nsiru aktar konxji tal-bżonn li ninħaslu. F’dan il-proċess hu jibqa’ jżurna biex isaħħahna u jqawwina fil-fidi sa ma naslu li narawh bħala Alla u ninżlu nadurawh.

Il-problema hi jekk naħsbu li aħna m’għandniex bżonn ta’ din l-konverżjoni għax naraw ċar. Meta naħsbu li aħna dejjem għandna raġun, meta nemmnu li dak li naraw aħna hu verità assoluta, meta nħossu li l-oħrajn (li jaraw differenti minna) huma msieken, żbaljati u njoranti, nkunu għomja. Il-fariżej kienu f’dak l-istat u baqgħu f’dak l-istat. Kienu qed jaraw il-fatti quddiemhom imma preferew imieru s-sewwa magħruf. Is-suppervja ħakmithom b’tali mod li warbu lil kull minn ma jaqbilx magħhom u hekk baqgħu fid-dlam. Ippreferew li jibqgħu jemmnu dak li kienu jemmnu, anke jekk ma kienx il-verità, milli jħalli lil Ġesù jgħinhom biex huma wkoll iħarsu lejn ir-realtà b’mod ġdid – mill-perspettiva ta’ Alla.

Ta’ min nistaqsu: imma aħna x’nemmnu tassew? It-twemmin tagħna hu sempliċement dak li smajna u tgħallimna fi tfulitna? Jew hu esperjenza ħajja ta’ Kristu u allura ninsabu fi proċess ta’ għarfien kontinwu ta’ Alla? Nista’ ngħid li aktar ma nikber aktar qed tiċċara l-viżjoni tiegħi ta’ Alla? Jew għadni nfittex biss it-tradizzjonijiet ta’ tfuliti?  Ejjew illum nitolbu lill-Mulej jgħinna nħarsu lejn dak li jiġri minn għalina mill-għajnejn u l-perspettiva ta’ Alla.