Riflessjoni għas-16 -il Ħadd ta' matul is-sena
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Sew waqt logħba futbol fi ground, sew waqt film f’ċinema, u sew waqt dramm f’teatru, jkollok pawsa fin-nofs imsejħa intermission. Din l-pawsa ma ssirx biss biex il-players u l-atturi jkunu jistgħu jieħdu nifs, anqas biex il-kanteen ikun jista’ jbiegħ aktar ikel u xorb, imma ssir ukoll minħabba l-ispettaturi nfushom. Logħba futbol, film jew dramm jistgħu jinvolvu sew lil dak li jkun (overwhelming). Ikun hemm min tant jidħol fil-logħba li jitlef il-kontrol tal-emozzjonijiet tiegħu u jibda jwerżaq u jgħajjat qisu miġnun. Waqt film jew dramm, faċli li jkun hemm min jispiċċa jixxotta d-dmugħ Għalhekk waqfa qasira ta’ ftit minuti tista’ tgħin biex min ikun qiegħed isegwi jistriegħ ftit, jieħu nifs u jħejji ruħu għall-parti oħra tal-avventura li jkun qed jgħaddi minnha. L-intermissions, huma pawsiet li fihom tista’ wkoll titkellem u tiddiskuti mal-ħbieb jew qraba li tkun magħhom fuq dak li jkun qed jiġri. Huma pawsiet li jistgħu jgħinuk tidħol aktar fl-istojra ta’ dak li tkun diġa’ rajt u smajt. Huma pawsiet li jimlewk b’aktar aspettattivi u jħejjuk għall-aktar emozzjonijiet.
Il-missjoni afdata f’idejn id-dixxipli wkoll involviethom ħafna u kienu tassew overwhelmed b’dak li kienu għaddew minnu. Tassew, kien hemm bżonn ta’ waqfa! Kellhom bżonn spazju fejn setgħu jitkellmu fuq dak li għamlu u għaddew minnu. Kellhom bżonn nifs. Huma ġew jirrakkontaw mhux biss il-ġrajjiet, imma wkoll il-mod ta’ kif ġew affettwati huma personalment b’dak li kienu għamlu. Huma kienu esperjenzaw realtajiet ġodda; daħlu f’ambjenti li ma kienux midħla tagħhom, keċċew ix-xjaten, fejqu l-morda. U Ġesù rrikonoxxa l-bżonn ta’ waqfa, tant li stedinhom biex imorru f’post imwarrab u jistrieħu ftit. Imma dan ma kienx it-tmiem tal-ħidma tagħhom – kienet biss pawsa qasira, biex fiha jirkupraw u jippreparaw ruħhom għal aktar ħidma. Tant li fl-evanġelju tal-lum naraw li mill-ewwel Ġesù daħal għall-ħidma tal-predikazzjoni. Hu ħass l-urġenza li jieħu ħsieb il-poplu li kien qed jiġri warajh, għax kienu qishom nagħaġ bla ragħaj. Kienu nies bla direzzjoni u kellhom bżonn immedjat li xi ħadd jagħti każhom u jgħallimhom kif jgħarfu lil Alla u kif iħobbu lil Alla.
Anke aħna, fil-ħajja għandna bżonn ta’ pawsiet biex fihom nistrieħu ftit. Pawsiet li fihom nirriflettu fuq dak li nkunu għaddejna minnu, imma mporanti li ma neħlux fl-istess pawsiet – niftakru li hemm parti oħra tal-missjoni li l-Mulej qed jafdalna f’idejna. Mistriegħ adekwat hu essenzjali għall-well being tagħna. Jgħinna nirkupraw l-għajja tal-ġisem u tar-ruħ. Il-mistrieħ fil-fatt insejħulu recreation – niġu kreati mill-ġdid. Il-mistriegħ inaqqas l-overload tax-xogħol u jġib ċerta kalma li għandna bżonn, biex naħdmu aħjar. Jista’ jkun li hawn min fostna qed jintrikeb mill-għajja u fl-għajja faċli jintrebaħ mill-emozzjonijiet tiegħu stess, mit-tensjonijiet u qtiegħ ta’ qalb. Ejjew għalhekk nisimgħu l-kelma li Ġesù qed jgħidilna llum: “ejjew striegħu ftit.” F’dan il-mistieħ inħarsu lura u naraw kif il-Mulej ħadem permezz tagħna, nirrikonoxxu l-ġid li għamilna u naqsmu mal-Mulej fit-talb l-istess eperjenzi li għaddejna minnhom - f’dan il-ħin ta’ mistrieħ infittxu li noqgħodu mal-Mulej u nħalluh imexxina lejn il-pass li jmiss. Jurina fejn għandna nimxu u fejn l-aħjar li nużaw l-enerġija tagħna. Ninsabu fi żmien il-vaganzi: hu żmien fejn ħafna minna jieqfu ftit u jqattgħu ftit aktar ħin mal-familja – dan hu tajjeb u neċessarju. Hawn min ifittex aktar id-delizzju tiegħu – dan hu tajjeb u neċessarju. Hawn min isiefer f’pajjiż ġdid biex ikabbar l-għarfien tiegħu – dan hu tajjeb u neċessarju. Imma ma nagħmlux dan mingħajr il-Mulej. Ma nieħdux vaganza minn mal-Mulej, imma vaganza mal-Mulej - inħalluh preżenti wkoll fil-vaganzi tagħna. Ejjew inkomplu nfittxuh u nimxu warajh, kif għamlu n-nies ta’ żmienu, biex ma nibqgħux bla direzzjoni; ma nibqgħux ngħaġ bla ragħaj. Illum nitolbu lill-Mulej jagħtina rgħajja skond qalbu biex huma jagħtuna direzzjoni li twassalna għandu.