Riflessjoni għas-16 -il Ħadd tas-sena

Riflessjoni għas-16 -il Ħadd tas-sena

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Meta xi tim jagħmel suċċess, diversi jgħidu “dawk għandhom kowċ”, bħalli kieku mhux kull tim ikollu kowċ! Imma meta jkollok kowċ tajjeb jispikka, u kulħadd jirrikonoxxi l-ħiliet u l-kapaċitajiet tiegħu. X’jagħmel kowċ tajjeb? Kowċ tajjeb ikollu viżjoni ċara u jaf fejn irid jasal. Imma mhux biżżejjed li jkollu viżjoni, kowċ tajjeb ikun  kapaċi jgħaddi l-viżjoni tiegħu lit-tim kollu, u meta l-membri tat-tim jagħmlu din l-viżjoni tagħhom u jinvolvu ruħhom biex jintlaħaq dak il-għan jirnexxu.

Ġesù tassew kien viżjonarju. Kien jaf x’inhi l-missjoni tiegħu u jaf fejn ried jasal. Ġabar madwaru tim ta’ tnax u involvihom f’din il-viżjoni li kellu; uriehom il-bżonn li d-dinja kollha tagħraf li s-saltna ta’ Alla waslet u li l-wegħda tas-salvazzjoni tal-bniedem qed isseħħ. Huma għamlu tagħhom din l-viżjoni u nvolvew ruħhom billi offrew id-dispożizzjoni tagħhom li jmorru u jxandru din l-aħbar, kif rajna fl-Evanġelju tal-Ħadd li għadda.  Illum narawhom jiġu lura jirrakontaw is-suċċessi tagħhom; qasmu l-esperjenza tagħhom u taw rendikont tal-ħidma tagħhom. Ma nistgħux ngħidu li l-appostli ġew jiftaħru b’dak li għamlu, imma qasmu bejniethom l-għeġubijiet li Alla għamel permess tagħhom. Li taqsam l-esperjenzi tiegħek mal-oħrajn tgħinek tikkonsolida l-esperjenza u twasslek biex taprezza dak li tkun għamilt. Tgħinek tgħaraf kif Alla jkun qed jaħdem permezz tiegħek u permezz tal-oħrajn.  Ejjew nagħrfu li Alla qed jagħmel ħwejjeġ kbar permezz ta’ kull wieħed u waħda minnha, għall-ġid tal-umanità.

Bħala kowċ tajjeb, Ġesù ta każ ukoll il-bżonnijiet tat-tim; stedinhom biex jieqfu u jistrieħu ftit. Dan il-ħin tal-mistriegħ kien ta’ siwi kbir għax fih komplew jiċċaraw il-viżjoni, akwistaw enerġija ġdida u mtlew b’aktar ħeġġa biex ikomplu l-missjoni afdatha f’idejhom. Qisu bħal waqfa f’nofs ta’ logħba (half time), li fiha l-kowċ jiġbor it-tim flimkien jevalwa, jinkoraġġixxi u jħeġġeġ lill-players biex ikomplu l-logħba sal-aħħar. Ġesù kompla jgħinhom iwessgħu l-viżjoni tagħhom u wasalhom biex ma jieqfux biss fuq il-ħidma li kienu għamlu. Dak li għamlu ma kienx l-iskop propju tal-missjoni afdatha lilhom. Uriehom li l-mixja tagħhom trid tkompli. L-għan aħħari hu li jkollhom isimhom miktub fil-ktieb tal-ħajja. Kemm hu mportanti li aħna wkoll nieqfu nisimgħu lill-kowċ li jagħtina viżjoni; jagħtina skop fil-ħajja. Kultant ħajjitna tant hi mimlija b’attività li ma jibqgħalniex mument li fih nistgħu nieqfu nistrieħu ftit flimkien mal-Mulej, u għalhekk insibu ruħna nitħabtu fuq li nitħabtu imma bla wisq sens f’dak li qed nagħmlu. Inkunu fost dawk li qishom ngħaġ bla ma għandhom ragħaj, niġġerrew minn hawn għal hemm bla ebda direzzjoni. 

Ninsabu fi żmien il-vaganzi u ħafna minnha jieqfu jistrieħu ftit, imma noqgħodu attenti biex ma nimlewx il-vaganzi wkoll b’ħafna attività u flok nistrieħu ngħajjew aktar. Il-vaganzi vera jgħinuna nirkupraw u niċċaraw il-viżjoni tagħna tal-ħajja. Jgħinuna ngħarfu li l-mixja tagħna trid tasal sal-ħajja ta’ dejjem u ma tieqafx biss hawn fuq l-art. Għalhekk fi żmien il-vaganzi ejjew insibu aktar spazju mal-Mulej u nħalluh irejjaqna, isostnina u jsaħħaħna. Ejjew f’dawn il-vaganzi nipprovaw nersqu aktar spiss lejn l-Ewkaristija, anke matul il-ġimgħa. Mill-Ħadd li ġej se jkollna sensiela ta’ qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann, li jgħinuna naprofondixxu l-misteru tal-Ewkaristija.  B’dan il-mod Ġesù jrid isostnina tul il-mixja tagħna. B’dan il-mod irid irejjaqna u jserraħna.