Riflessjoni għas-17 -il Ħadd ta' matul is-sena
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Aktar komda li tuża’ u tarmi milli toqgħod taħsel u terfa’. Innotaw ftit kemm materjal disposable jintrema fi żmien il-festi! Ħafna nies mhumiex wisq konxja ta’ kemm nikkonsmaw u kemm narmu skart kuljum. Imma l-agħar hu fejn jidħol l-ikel. Kemm ikel jinħela sew fid-djar, kif ukoll f’restaurants, u ħwienet. Ovvjament meta ssajjar fil-familja, taħseb għal xi ħaġa aktar biex jekk ikun hemm xi ħadd mal-mejda li jkun irid ftit aktar tagħtih, għalhekk xi ftit ikel żejjed dejjem jibqa’. Imma hemm minn jippreferi jarmi flok iħalli dak li jifdal għal darba oħra – f’dan il-każ dejjem insibu raġuni biex niġġustifikaw il-ħela: min għax it-toma tinbidel u l-ikel ma jibqax daqshekk tajjeb, u min għax jibża’ minn xi baktirja, u ssib min ukoll jgħid li jiddejjaq jiekol l-istess ikel. Fejn imbgħad jidħol is-suq tal-ikel, hemm realtà oħra; jintrema ammont kbir ta’ ikel biex is-suq ma jaqax u jibqa’ jġib il-flus. X’ħasra! Il-ħela hu tassew dnub, l-aktar meta nafu li fid-dinja għandna nies żvantaġġati u li m’ għandhomx biżżejjed ikel biex jgħixu sew. Din hi nġustizzja u xejn aktar; hu eżempju ċar ta’ tqassim ħażin tar-riżorsi tad-dinja. Alla fada lill-bniedem biex jieħu ħsieb id-dinja, u biex ikun amministratur fidili tal-ġid kollu tad-dinja.
Perà agħar u agħar, hu meta jkun hemm ħela ta’ ħajjiet; meta l-bniedem jiġi skartat u mormi fl-ġenb wara li jkun użat. Il-mentalità tad-disposable daħlet ukoll mal-bnedmin. Kemm nies qed jiġu sfruttati fuq il-postijiet tax-xogħol, kemm nies qed jispiċċaw vittmi ta’ scams u ta’ qerq ieħor li nsibu fuq il-mezzi soċjali, kemm nies sabu ruħhom f’faqar għax ħaddieħor ħadilhom kull ma kellhom. L-iskart u r-rimi tal-bnedmin hu dnub ferm akbar. Kull meta niskarta lil xi ħadd inkun qed nitwarrab minnu, inkun qed nagħmel bil-maqlub ta’ dak li għamel Ġesù meta ġabar kotra kbira ta’ nies madwaru. Ġesù kien jivvalutiżża lil kulħadd, għalhekk ma jwarrab lil ħadd. Barra min hekk temagħhom bil-kelma u tahom l-ikel biżżejjed, anzi ż-żejjed ukoll. Tassew fid-dinja hawn spazju għal kulħadd, hawn ikel għal kulħadd, kulħadd għandu minfejn jixbgħa.
Smajna llum li fl-aħħar ġabru 12-il qoffa mil-fdal li kien baqa’. Ġesù qalilhom: “Iġbru l-loqom li baqa’, biex xejn ma jinħela.” Avolja kien hemm ħobż bl-abbundanza, Ġesù ma ħela xejn, ma skarta xejn, ma rema’ xejn. Imma nistaqsi, min fejn ġabu tnax-il qoffa? Kienu qegħdin fuq l-għoljiet, fejn la kien hemm djar u anqas ħwienet. U anqas kienu jafu minn qabel x’se jiġri, b’hekk il-probabbilità hi li ma ħadu magħhom ebda qoffa. Mela minn fejn ġabu dawk it-12-il qoffa? San Ġwann isemmi t-tnax il-qoffa bħala referenza għat-12-il tribù ta’ Iżrael li fihom kien jinġabar il-poplu l-magħżul ta’ Alla. Il-miraklu tal-ħobż juri kif Ġesù ġab lit-12-il tribù flimkien. Hu tassew miraklu biex tiġbor flimkien nies minn kulturi differenti, b’upbringing differenti, b’gosti differenti, b’livelli soċjali differenti, b’ideat differenti. Imma Ġesù bil-kelma tiegħu rnexxielu jiġbor flimkien ħafna nies u ġabarhom biex jiċċelebraw il-festa tal-Għid, avolja kienu 'l bogħod mit-tempju u 'l bogħod minn Ġerusalemm.
Dan il-miraklu għadna nesperjenzawh kuljum matul il-quddiesa. Ġesù jiġbor kuljum mal-mejda tiegħu ħafna nies differenti, u jgħaqqadhom f’poplu wieħed. Hu ma jiskarta lil ħadd, ma jwarrab lil ħadd. U dan hu l-ewwel element essenzjali tal-quddiesa – il-ġemgħa miġbura. Il-konċilju Vatikan it-tieni jgħidilna li l-ġemgħa miġbura hi waħda mil-ħames preżenzi ta’ Kristu waqt il-quddiesa. Ninġabru biex niċċelebraw l-Għid. Hu propju għalhekk, li l-ġemgħa tiġi wkoll inċensata waqt il-quddies, għax Kristu nnifsu jidher fiha. Il-poplu miġbur ikomplu juri lil Kristu anke meta tispiċċa l-quddiesa. Il-presbiteru jew id-djaknu jgħid lill-Ġemgħa: “Morru fil-paċi ta’ Kristu.” Fi kliem ieħor ikun qed jgħid: “morru u ibqgħu miġburin bħala familja waħda, iċċelebraw il-Għid fl-ibliet u l-irħula tagħkom,” u resqu oħrajn biex ikunu parti minn din l-ġemgħa.
Ejjew aħna wkoll nagħrfu li ħadd ma hu skart quddiem Alla, ħalli aħna wkoll naċċettaw lil kulħadd. Ma nberbqux u naħlu lil xulxin. U anqas ma nberqu u naħlu r-riżorsi l-oħra tad-dinja. Niġbru kif ġabru l-loqom id-dixxipli. Niġbru u nressqu lil bnedmin oħra biex jingħaqdu mal-poplu ta’ Alla: il-knisja.