Riflessjoni għas-17 -il Ħadd tas-sena Liturġika

Riflessjoni għas-17 -il Ħadd tas-sena Liturġika

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana

Mil-lum ser nibdew sensiela ta’ ħamest iĦdud fejn l-Kelma ta’ Alla tkellimna fuq l-kobor tal-Ewkaristija. L-Ewkaristija hi ċ-ċentru tal-ħajja nisranija u għalhekk l-knisja tagħtina żmien li fih nistgħu napprofondixxu dan il-misteru kbir.  L-Ewkaristija mhix sempliċiment il-quddies u t-tqarbin, l-adorazzjonijiet u l-purċissjonijiet li nagħmlu bis-Santissmu Sagrament, imma hi wkoll ġabra ta’ attitudnijiet li min jemmen għandu jintegra f’ħajtu.

L-ewwel silta f’din is-sensiela ta’ qari, hi l-ġrajja tat-tkattir tal-ħobż. F’dan ir-rakkont San Ġwann jgħidilna li kienu madwar 5,000 raġel barra n-nisa u t-tfal. Għaliex San Ġwann għamel din id-distinzjoni bejn l-irġiel u l-bqija? Ma nafx eżatt, imma tajjeb li nirriflettu wkoll fuq dan id-dettal. Min jistgħu ikunu dawn l-irġiel? Ħafna drabi l-iġiel huma:

  • Min iqis li hu tal-kelma u dak li jgħid jagħmlu; forsi wkoll jaħseb li hu mhux bħall-oħrajn li jparlaw ħafna u ma jgħamlu xejn.
  • Min jaħseb li kollox jiddependi minnu; dejjem hemm biex jipprovdi l-għajxien lill-familja tiegħu u forsi kultant jaħseb wkoll li m’nalla jkun hu! Dejjem jaħdem u jirsisti bla waqfien! 
  • Min kapaċi jibni argument loġiku u jaħseb qabel jaġixxi waqt li ma jafdax dak li jħoss.
  • Min iħossu li hu fuq l-oħrajn għax hu bravu u jifhem f’kollox; dejjem irid jgħallem u jgħid lill-oħrajn x’għandhom jagħmlu.
  • Min dejjem għandu raġun u jaħseb li ma jiżbalja qatt; ma tantx jasal li jgħid skużani u aħfruli.
  • Min jaħseb li ħadd ma jista’ għalih u li ħadd ma jagħmillu l-bżieq fuq imnieħru, għalhekk tarah jiġġieled u ma jibża’ minn ħadd.

Jekk inti wieħed minn dawn in-nies, allura jista’ jkun li int wieħed minn dawn il-5,000 raġel. Minkejja l-irġulija tagħhom, dak inhar li telgħu ma’ Ġesu’ fuq il-muntanja ma kellhomx ħobż x’jieklu. Kienu rġiel fil-bżonn.

Kellu jkun tifel biex dawn l-irġiel setgħu jgħixu.  Forsi għalhekk San Ġwann isemmi tifel f’kuntrast ma’ dawn l-irġiel. Kien tifel ċkejken u fqir, ma kellu ebda importanza partikulari, madanakollu kien permezz tiegħu li Ġesu’ tema’ lil dawk li kienu jaħsbu li huma xi ħadd. Kulma kellu t-tifel kienu ħames ħobżiet żgħar, u lanqas kienu tad-dqiq imma tax-xgħir; ħobżiet ċkejkna u dgħajfa. Ġesu’ ħa dawn il-ħobżiet umli biex jitma’ lill-kburin u b’hekk jurihom l-bżonn li jiċċeknu; jurihom il-bżonn li jwarrbu l-kburija tagħhom u jkunu kapaċi jilqgħu u jirċievu kollox minn idejn Alla.

Atteġjament importanti li bih għandna nersqu lejn l-Ewkarstija hi l-atteġjament tat-tfal iż-żgħar – l-atteġjament tal-umilta’.  San Pawl fit-tieni qari tal-lum jgħidilna: ‘biex nimxu sewwa skont is-sejħa li biha kontu msejħin; billi bl-umiltà kollha, bil-ħlewwa u bis-sabar, naħmlu u nħobbu ’l xulxin’. L-umilta’ hi essenzjali biex nersqu lejn l-Ewkaristija. Bħat-tifel żgħir li nsibu fir-rakkont tal-lum irridu nemmnu li Ġesu’ jista’ jibdel l-ftit tagħna, anke jekk hu fqir u dgħajjef u bih jgħajjex lilna u lill-oħrajn. ‘Jekk ma tkunux bħat-tfal iż-żgħar ma tistgħux tidħlu fis-saltna ta’ Alla’ (Mk 10, 15).

Dan it-tifel ma’ kienx qed jagħmel din l-esperjenza waħdu; imma kien mgħaqud mal-oħrajn. Veru, hu kellu jġorr il-basket tiegħu, hu kellu jimxi l-mixja tiegħu, u hu kellu jgħix l-esperjenza tiegħu, imma l-fatt li ma kienx waħdu kienet ta’ wens kbir u appoġġ kbir.  L-umilta’ twassalna biex nimxu mal-oħrajn għax nagħrfu li ma nistgħux inkunu ‘self sufficient’ fil-ħajja spiritwali tagħna. San Pawl wkoll jgħdilna: ‘Ħabirku biex iżżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem’.  Ejjew nagħrfu li aħna lkoll fil-bżonn, ilkoll bil-ġuħ għall-kelma t’Alla u għall-ikel spiritwali – l-Ewkaristija. Ejjew nersqu b’umilta’ bħala komunita’ waħda lejn Ġesu’ li Hu l-ikel li jsostnina sal-ħajja ta’ dejjem.