Riflessjoni għas-26 Ħadd ta' matul is-sena
mill-Arċipriet Dun Sebastjan Caruana.
Tmien Settembru, bidu t’Ottubru: hu żmien fejn l-iskejjel u l-universitajiet jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom. Barra minn hekk hu żmien li fih jibdew numru ta’ korsijiet oħra organizzati minn instituzjonijiet differenti. Bħalissa jinħass ċerta moviment ta’ nteress pubbliku għal dawn il-korsijiet. Hawn min jidħol għal xi kors minn rajh bil-ħsieb li javvanza fil-karriera tiegħu, imma wkoll hawn min jiġi mġiegħel minn min jimpjegah. Ikun hawn min jidħol għal kors biex jimla l-ħin, imma hawn ukoll min jixtieq jikber fl-għarfien ta’ suġġetti varji. Hu x’inhu l-għan, kull kors jitlob impenn u dedikazzjoni, għalkemm mhux il-korsijiet kollha huma mpenjattvi l-istess. Jekk imbagħad ittemm il-kors b’suċċess, jingħatalek ċertifikat t’attendenza, jekk mhux ukoll tiggradwa; ċertifikat li jaf jagħmel differenza. Min tiżdiedlu l-paga, min jgħola grad fl-impjieg tiegħu, u min ikompli jżid mal-kollezzjoni taċ-ċertifikati li jkollu. Imma l-aktar importanti hu, li tkun akkwistajt ħiliet ġodda li jgħinuk fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum.
Madanakollu, mhux iċ-ċertifikat kollox. Hawn min għandu għerf u ħiliet partikulari minkejja li qatt ma kellu ċ-ċans jagħmel ebda kors. Dawn ukoll huma nies t’utilità kbira, għax jafu jkunu ferm prattiċi f’dak li jagħmlu; huma tgħallmu ħafna mill-kors tal-ħajja. Iżda dawn in-nies mhux kulħadd jieħu gost bihom u mhux l-ewwel darba jiġu mwarrba minħabba li m’għandhom ebda ċertifikat x’juru. Bilkemm ma jkunx hawn min iħosshom ta’ teddida u għalhekk jagħmel minn kollox biex iwarrabhom.
Fl-ewwel qari tal-lum għandna każ simili. Ġożwè ssuġġerixxa li Eldad u Medat, jiġu mwaqqfa milli jipprofetizzaw minkejja li huma t-tnejn ukoll irċevew l-Ispirtu s-Santu. L-uniku differenza kienet li ma kienux preżenti fit-tinda għaċ-ċerimonja, fejn sebgħin xiħ irċevew l-Ispirtu s-Santu u ngħataw mandat biex jipprofetizzaw. Ġożwè ħass li dawn ma kellhom ebda warrent biex ikunu profeti u għalhekk ried iwaqqafhom. Mill-banda l-oħra, Mosè raġel ta’ għerf u esperjenza kbira, għaraf li Alla m’għandu ebda kundizzjonijiet; għal Alla m’hemmx bżonn korsijiet, ċertifikati u mandati biex ikun jista’ jagħżel minn fost il-poplu qaddejja biex jitkellmu f’ismu. Mosè għaraf li Alla jrid jintegra lil kulħadd biex il-kelma tiegħu, li hi Kelma ta’ Verità, tasal għand kulħadd. Alla jista’ jagħżel nies li jissorprendu lil ħafna. Alla jista’ jagħżel persuni li ma jkunux ordnati isqfijiet, saċerdoti jew djakni, anqas ikunu reliġjużi professati, u forsi anqas lajċi mpenjati; jista’ jagħżel nies li ma jkunux fiċ-ċirku ta’ ġewwa, biex bihom iwassal il-Kelma Tiegħu! Dan jista’ jimla lil xi wħud b’għira, kif ġara fil-każ ta’ Ġożwè. Kif xi ħadd li m’għandux ċertifikati jkollu għerf bħal wieħed li jkun studja? Kif xi ħadd li ma jafu ħadd, ikollu l-istess kwalitajiet bħal min ikun impenja ruħu ħajtu kollha u kiber fil-ministeru? Għalina dan ma jagħmilx sens, imma l-loġika ta’ Alla hi differenti mill-loġika tagħna l-bnedmin.
Fl-Evanġelju smajna kif Ġwanni ried iwaqqaf lil wieħed raġel milli jkeċċi x-xjaten f’isem Ġesù, għas-sempliċi raġuni li ma kienx wieħed minnhom. Għal Ġwanni, u għat-tnax, dan ma kienx jikkwalifika biex jaqdi ministeru minħabba li ma kienx qed jgħamel il-kors tad-dixxipulat li kienu qed jgħamlu huma. Madanakollu hu rnexxielu jkeċċi x-xjaten f’isem Ġesù għax tassew kien emmen f’Ġesù, waqt li huma ma kienx irnexxielhom jgħamlu dan meta darba missier, li kellu ibnu maħkum mix-xitan, kien resaq quddiemhom jitlobhom jeħilsu lil ibnu mill-ispirtu ħażin. U forsi minħabba f’hekk li Ġwanni u t-tnax għiru għal dan ir-raġel u riedu jwaqfuh. Imma Ġesù qalilhom: “le la żżommuhx,” għax kull min jagħmel il-ġid jagħmlu għax imqanqal mill-Ispritu. Ġesù, Mosè l-ġdid, għaraf li Alla jadħem b’kulħadd. Ġesù jintegra fil-ministeru tiegħu ta’ salvazzjoni lil kulħadd, m’għandu bżonn ebda ċertifikat, ebda kredenzjal biex jagħżel persuni ġodda fil-ministeru tiegħu.
Forsi jrid jingaġġja lilek ukoll; irid li jsalva lil xi ħadd permezz tiegħek. Għalhekk ħadd minna m’għandu jaħseb li ma jinqalax biex jagħmel il-ġid, għax l-Ispirtu s-Santu jaf jaħdem b’kull wieħed minna. Permezz tiegħek jaf jeħles lil xi ħadd minn xi spirtu ħażin!