Riflessjoni għas-26 Ħadd ta' matul is-sena
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Illum il-media saret tikxef ħafna realtajiet ta’ nies li għaddejjin minn tbatijiet kbar. Kemm xeni ta’ qsim il-qalb qed jaslulna kuljum minn Gaża u minn pajjiżi li jinsabu fi gwerra! Kemm filmati ta’ nies li qed jgħixu fil-miżerja tal-ġuħ u l-faqar! Kemm realtajiet ta’ inġustizzji li jwasslu lil diversi nies jipperikolaw ruħhom bit-tama li jsibu ħajja ftit aktar deċenti! Minkejja l-progress kollu li sar fid-dinja, xorta għadna nsibu sitwazzjonijiet ta’ faqar u miżerja li kien jeżisti fi żmien Amos u fi żmien Ġesù.
Tajjeb li nosservaw ftit xi tkun ir-reazzjoni tagħna quddiem sitwazzjonijiet bħal dawn. Għax faċli nidraw kollox u ma nibqgħux nagħtu każ; faċli nitkażaw u nirrabjaw għal min qed jikkawża din it-tbatija kollha u nieqfu hemm; faċli nagħżlu li ma narawx u ma nisimgħux aktar, għax inħossuna ferm aħjar jekk ma nkunux nafu x’qed jiġri madwarna. Imma l-qari tal-lum ma jħalliniex kwieti. Jurina l-bżonn ta’ solidarjetà vera ma’ min hu għaddej mit-tbatija u l-uġiegħ.
L-għani tal-parabbola ma naqasx għas-sempliċi raġuni li kien sinjur, imma għax għażel li ma jkunx solidali ma’ dak li kien fil-bżonn. Hu għalaq għajnejh għar-realtà ta’ dak li kien tant viċin tiegħu – ħalla lil Lazzru mitfuħ mal-art ħdejn il-grada ta’ daru stess. Lazzru kien qrib, imma l-qalb tas-sinjur kienet wisq 'il bogħod minnu. Is-sinjur għażel li jinjora għal kollox lil fqir u qiesu daqs li kieku ma kien xejn. Solidarjetà vera ma tfissirx biss li tagħti karità lil dawk li huma 'l bogħod minnek, imma tfisser ukoll li tagħti każ u taqsam ħajtek ma’ dawk li huma viċin tiegħek. Tkun solidali meta tirrikonoxxi d-dinjità tal-ieħor, u tieqaf miegħu bħala ħuk jew oħtok, meta jkun fil-bżonn. Amos, fl-ewwel qari, ikkundanna lil dawk li ppreferew jgħażlu l-kumdità u jinxteħtu fuq sodod tal-avorju, waqt li jinsew ir-realtà ta’ oħrajn li jkunu għaddejjin minn tbatijiet kbar. Dan l-iżolament jgħalaq lill-bniedem fih innifsu u jaqtgħu totalment mir-realtà.
Tajjeb li bħala knisja niftakru li għandha tlett responsabbiltajiet prinċipali, u kollha huma mportanti ħafna: bħala knisja ninġabru biex nagħtu qima u nfaħħru lil Alla, bħala knisja għandna responsabiltà li nevanġelizzaw u nwasslu l-Aħbar it-Tajba. Imma bħala knisja rridu wkoll inkunu minn quddiem nett fejn tidħol solidarjetà mal-fqir u l-batut. Dak li tippriedka l-knisja trid tpoġġih fil-prattika, inkella l-predikazzjoni tagħha tkun biss kliem fierah. Fit-tieni qari, San Pawl jgħid lil Timotju: “Int, bniedem ta’ Alla, fittex li jkollok il-ġustizzja, it-tjieba, il-fidi, l-imħabba, is-sabar, il-ħlewwa.” Dawn il-kwalitajiet iwasslu għas-solidarjetà vera, għax iwasslu mhux biss biex naslu li nagħmlu t-tajjeb imma wkoll biex nimxu pass pass ma’ dawk li huma mħabbtin fil-ħajja.
L-għani bena ħajt li firdu mill-ieħor, is-solidarjetà tibni pontijiet biex taqqaddna ma’ persuni oħra. Meta nipprattikaw is-solidarjetà nkunu qed ngħixu bħal Kristu għax hu ma għażilx li jibqa’ komdu fis-sema, imma niżel fostna, kien solidali magħna u qasam magħna t-tbatija u l-mewt, biex isalvana.
Is-solidarjetà trid tibda mill-istess familja li ngħixu fiha; ma’ dawk li huma l-aktar qrib tagħna. Kemm lesti nieħdu paċenzja b’xulxin u nisimgħu lil xulxin fil-kwiet? Kemm aħna konxji li fl-istess familja tagħna jaf hemm minn għaddej minn taħbit u mumenti diffiċli? Konxji li fil-parroċċa tagħna hawn nies li jħossuhom inviżibbli, imwarrba, jew li mhux aċċettati? Kapaċi nieqfu ftit ma’ persuni bħal dawn u nisimgħu l-bżonnijiet tagħhom? Solidarjetà fil-prattika tfisser li nagħmlu spazju għal dawn u għall-anzjani, għal nies li jgħixu weħidhom, għall-membri ġodda li jiġu joqgħodu fil-parroċċa tagħna u għal nies li mhux ilaħħqu mal-ħajja. Fejn tidħol is-soċjetà inġenerali: nitkelmu għal dawk li m’għandhomx vuċi biex jitkelmu għalihom infushom? Solidarjetà titlob ukoll responsabiltà soċjali u rridu nagħtu każ dak li qed jiġri fis-soċjetà tagħna. Għalhekk illum ejjew nistaqsu min hu Lazzru wara l-bieb ta’ darna, biex ma nibqgħux għaddejjin b’ħajjitina bla ma nagħtu każ ta’ dak li hu fil-bżonn, imma nieqfu miegħu u nimxu miegħu.
