Riflessjoni għas-26 Ħadd ta' matul is-sena
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Ħafna drabi negozju tal-familja jgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra, u l-ulied ikomplu fuq dak li jkunu bdew il-ġenituri tagħhom, jekk mhux ukoll in-nanniet. Il-ġenituri jħossu ċertu sodisfazzjon u jserrħu rashom li dak li ħadmu għalih tul ħajjithom, mhux se jispiċċa fix-xejn jew jgħaddi f’idejn nies differenti. Meta negozju jgħaddi f’idejn il-ġenerazzjoni l-ġdida, jiġu ntrodotti modi ġodda, jidħlu gosti aktar moderni, u ideat friski li jappellaw aktar għaż-żmenijiet tal-lum. Imma ħafna drabi xorta jibqa’ jkun hemm il-preżenza tax-xiħ, jibqa’ hemm jagħti pariri siewja u kultant ordnijiet li jkunu frott ta’ esperjenza twila li jkun kiseb. Ovjament, xorta tibqa’ f’idejn id-diretturi l-ġodda (l-ulied) biex jagħżlu x’deċiżjonijiet se jieħdu għall-futur tan-negozju.
Imma din mhix dejjem ir-realtà għal kull min għandu n-negozju tiegħu. Kultant l-ulied ma jkunux iridu jkomplu fuq l-istess linja tal-ġenituri u tal-antenati tagħhom, u b’hekk in-negozju jintemm għal kollox jew jgħaddi għand ħaddieħor.
L-istess ħaġa nistgħu ngħidu għall-esperjenza tal-fidi. Ħafna ġenituri jixtiequ li uliedhom jimxu fuq il-passi tagħhom u jagħtu mporanza lil Alla f’ħajjithom. Hu ta’ sodisfazzjon għal diversi ġenituri nsara, meta jaraw lil uliedhom jitolbu u jipparteċipaw mal-poplu ta’ Alla fiċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi. Imma din mhix dejjem l-esperjenza ta’ kulħadd. Ħafna ġenituri nsara, isofru fuq li jsofru meta jaraw lil uliedhom bierda, jekk mhux ukoll jarawhom jabbandunaw il-fidi għal kollox. Xi wħud minn dawn il-ġenituri jħossuhom fallew, għax ma rnexxielhomx jgħaddulhom esperjenza ħajja ta’ fidi. Hemm min ukoll iħoss sens ta’ ħtija minħabba dan. Imma le, il-ġenituri mhumiex ħatja għad-deċiżjonjiet ta’ uliedhom, bħalma l-ulied mhumiex ħatja għan-nuqqasijiet tal-ġenituri tagħhom. L-ewwel qari tal-lum hu meħud mit-18-il Kapitlu tal-ktieb tal-profeta Eżekjel. Dan il-kapitlu jibda bi proverbju, li kien magħruf sew fost il-poplu ta’ Iżrael, li jgħid: “ il-missirijiet kielu l-għeneb qares u darrsu snien uliehom.” Proverbju li bih jifhmu li l-ulied isofru minħabba d-dnubiet tal-ġenituri tagħhom; donnu jġorru magħhom il-ħtija ta’ dak li għamlu ta’ qabilhom. Imma l-Mulej permezz tal-profeta jgħid li kulħadd għandu jkun responsabbli għal għemilu. “Jekk wieħed ġust jitbiegħed mill-ġustizzja tiegħu u jagħmel il-ħażen, u jmut minħabba dan, minħabba ħżunitu jkun miet. Imma jekk il-midneb jerġa’ lura mid-dnub li jkun għamel, u jagħmel il-ħaqq u l-ġustizzja, hu jsalva ruħu.”
Il-fidi hi għażla. Għażla li toqgħod għal Alla. Hi ubbidjenza. Mhix ubbidjenza frott il-biża’, tobdi għax tibża’ mill-kastig. Imma trid tkun aktar ubbidjenza frott l-imħabba. Ġesù qal: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.” (Ġw14, 23). L-ubbidjenza tal-fidi tinkludi, għalhekk, is-smiegħ tal-Kelma ta’ Alla, u għax tħobb bis-serjetà taġixxi skond dik l-kelma. F’Ġesù stess insibu mudel perfett ta’ ubbidjenza: obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib (kif naqraw fit-tieni qari tal-lum). Li tobdi lil Alla twassal għall-għotja tiegħek innifsek fl-imħabba; tafda ħajtek kollha kemm hi f’idejh u tkun lest li toqgħod taħt it-tmexxija divina tiegħu. Ġesù jsejjaħ għaref lil kull min jisma’ l-Kelma u jagħmilha qisu bħal wieħed li jibnu daru fuq il-blat (Mt 7, 24-27). L-iben iż-żgħir tal-parabbola tal-lum diskors biss kellu: “arani sejjer, sidi.” Ta’ min ninnutaw ftit, li anqas missier ma sejjaħlu, imma għajjatlu sidi. Ma kienx hemm imħabba vera fi kliemu, u għalhekk ma kienx lest li joqgħod għal dak li ried missieru. Waqt li l-iben il-kbir, għalkemm kliemu ma kienx ħelu, xorta għażel li jagħmel dak li talab minnu missieru. L-iskrittura nifisha turina li l-ubbidjenza hi aqwa minn kull sagrifiċċju ieħor. Ir-ribelljoni meqjus bħala dnub kbir; jgħid Samwel lil Sawl: “ir-ribelljoni daqs id-dnub tas-seħer, u li twebbes rasek daqs il-ħażen tal-qima tax-xbihat. Għax int warrabt il-kelma tal-Mulej, hu se jwarrab lilek minn sultan!” (1 Sam, 15, 23). Id-diżubidjenza għalhekk twassal għad-dnub u l-mewt, waqt li fil-vera ubbidjenza nesperjenzaw il-barkiet tal-ħajja qaddisa,
Ejjew inkunu aktar attenti u nisimgħu dak li Alla jixtieq minna, jekk irridu li nkunu vera nies ta’ fidi. Niftakru li Alla jkellimna biċ-ċirkustanzi li nisbu ruħna fihom, u bin-nies li aħna mdawwrin bihom. Inkunu attenti xi jrid minna f’kull mument ta’ ħajjitna.