Riflessjoni għas-26 Ħadd ta’ matul s-sena

Riflessjoni għas-26 Ħadd ta' matul is-sena

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Hawn min jieħu gost jieħu selfie kull fejn imur. Imma kultant ikun hawn min tassew jesaġera; selfie bil-wieqfa, selfie bil-qegħda, selfie mindud, selfie... selfie... selfie...!  U dawn is-selfies kollha x’jagħmel bihom? Jew joqgħod iħares lejhom u jiggosta lilu nnifsu, jew jieħu gost jippostjahom biex l-oħrajn jammirawh. Hi x’inhi, l-esaġerazzjoni turi li jkun hemm problema; turi li dak li jkun hu wisq iffukat fuqu nnifsu, u ħafna drabi tesprimi wkoll biża’. Biża’ li jiskopri xi ħaġa fih innifsu li ma tkunx tgħoġbu. U x’jiġri jekk ikun hemm xi ponta fil-wiċċ u tiġi tidher fis-selfie? Bla dubju tara kif se tgħattiha b’xi ftit make-up biex tibqa’ tidher tajba/tajjeb. Tkun trid taħbi dak kollu li ma tkunx kuntent bih biex meta tħares lejk innifsek ma tinkwetax, bħalikieku mhux dak li hemm hemm!

Fil-parabbola li jagħtina Ġesù llum, ipoġġi quddiemna żewġt irġiel: wieħed imsejjaħ bħala għani u l-ieħor fqir. L-għani, jgħidilna Ġesù, kien jieħu gost kuljum jilbes il-porpra u għażel mill-ifjen. Kien jilbes biex jgħatti u jaħbi l-vulnerabiltà u l-limitazzjonijiet tiegħu. L-ilbies kien jagħtih l-impressjoni li hu ma jonqsu xejn u qiegħed tajjeb. Iħares lejh innifsu u jammira kollox fih innifsu, imma fir-realtà kien qed jaħbi minnu nnifsu dak li tassew kien. L-ilbies kien ukoll jaħbi lir-raġel mill-oħrajn. Meta jidher quddiem in-nies kulħadd kien iqisu tat-tajjeb u li probabbilment ma jonqsu xejn. Imma kif jista’ jkun li ma kien jonqsu xejn? Miskin l-ilbies kien iqarraq bir-raġel innifsu u bl-oħrajn! Anke l-ikliet li kien jagħmel ta’ kuljum kienu qed jaljenawh. L-ikel u x-xorb kienu qed inessuh il-weġgħat u l-ġrieħi tiegħu; dan ma jfissirx li ma kienx ukoll miġruħ u miġugħ!

Mill-banda l-oħra għandna r-raġel l-ieħor, li Ġesù jiddeskrivi bħala fqir. Il-ġrieħi tiegħu kienu mikxufa, id-dgħjufija tiegħu kienet tidher minn kulħadd u ma kellu xejn x’jgħatti u jaħbi dak li tassew kien. Ma kellux f’hiex jisker u jaljena rasu u għalhekk kien in touch miegħu innfsu; kien jaf li hu miskin u kellu bżonn minn jieqaf miegħu u jdewwiħ, kien iħalli anke l-klieb jersqu lejh biex itaffulu l-uġigħ tal-ġrieħi. Minkejja li l-fqir ma kienx iddisprat, għax kif juri ismu stess (Lażru - li jfisser Alla jgħini), kellu fiduċja sħiħa f’Alla.

Quddiem din ix-xena ejjew nistaqsu: aħna ma’ min inxebħu lilna nfusna? Mal-għani, għax forsi qed nipprovaw naħbu dak li tassew aħna u naħarbu dak kollu li jista’ jikkawża t-tbatija f’ħajjitna? Jew ma’ Lażru l-fqir, għax waqt li ngħarfu d-dgħjufija u l-vulnerabiltà’ tagħna nduru lejn Alla u nħallu lill-oħrajn jgħinuna fit-tbatijiet tagħna?

Ma jfissirx li nkunu niżbaljaw meta ngħamlu li nistgħu biex intaffu xi ftit it-tbatijiet, imma noqgħodu attenti li ma nalludux ruħna li aħna ma jonqosna xejn. Niffukaw kemm niffukaw fuqna nfusna, m’aħna qatt se neħilsu mit-tbatija – dejjem se jonqosna xi ħaġa f’din id-dinja – dejjem se nkunu fil-bżonn.  Meta persuna tkun wisq iffukata fuqha nnifisha u moħħha jkun biss fuq il-bżonnijiet tagħha, ma jibqagħliex ħin għall-oħrajn.  Anzi, ħafna drabi ftit ikun jinteressaha minn dak li jkun għaddej minnu ħaddieħor.  L-għani fil-parrabbola tal-lum kien wisq self centred, u li ma kien jinteressah xejn minn Lażru, anqas biss indenja ruħu jħares lejh. Veru ma keċċihx minn wara biebu, imma anqas ikkalkulah. Dak il-vojt bla qies li nsibu fit-tieni parti tal-parabbola, kien diġà nħoloq f’din id-dinja, għax l-għani kien bena ħajt madwaru ħalli jipproteġi lilu nnifsu minn kull tbaija, imma fil-fatt kien sar ħajt li eżiljah mill-oħrajn. Għax ma riedx iħoss l-uġigħ tal-ħajja, rabba qoxra madwar qalbu; qoxra li ma ħallietux iħoss l-anqas l-uġigħ tal-oħrajn, inkluż ta’ dak li kien qiegħed wara l-bieb ta’ daru.

Ejjew llum nitolbu lill-Mulej irattab il-qlub tagħna, li setgħu xrafu maż-żmien biex nipproteġu lilna nfusna mill-uġigħ u l-biżgħat tal-ħajja. Nitolbuh biex idewwi l-ġriegħi tagħna biex aħna wkoll naslu li ndewwu l-ġrieħi tal-oħrajn mingħajr biża’ ta’ xejn.