Riflessjoni għas-26 Ħadd tas-sena

Riflessjoni għas-26 Ħadd tas-sena

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Għal ħafna minna ma tagħmilx wisq differenza minn fejn ikun ġej ir-riħ, imma għall-baħħara u s-sajjieda, għal min jaħdem fl-avjazzjoni u għal min xogħolu jiddependi fuq it-temp, hu neċessarju li jkun jaf x’riħ hu. Il-pinnur hu strument ferm utli għal dawn in-nies. Illum hawn strumenti aktar sofistikati biex juru d-direzzjoni tar-riħ u l-intensità tiegħu, imma l-pinnur jibqa’ indikatur tajjeb. Li mhuwiex tajjeb jekk ikollok nies li huma bħal pinnur: illum jgħidu ħaġa u għada jgħidu oħra. Ma’ dawn in-nies ma tkunx taf fejn qiegħed, għax kif ir-riħ jibdel id-direzzjoni tiegħu f’kemm ilni ngħidlek, hekk huma, għalhekk ma tantx tista’ toqgħod fuqhom. Il-koerenza hi frott l-integrità, u min hu konsistenti fi kliemu u f’għemilu jagħmilha aktar faċli biex tafdah. Meta xi ħadd jagħtik kelma, tistenna li jwettaqha fil-prattika.  Imma hemm drabi fejn ikun jaqbel aktar li tibdel fehmtek. Titlob umiltà kbira biex tkun lest tibdel il-pożizzjoni tiegħek meta tinduna li tkun żbaljat. Xi drabi naħsbu li biex tkun tal-kelma trid tibqa’ ssostni dak li dejjem għedt, jiġri x’jiġri. Hu minnu li għandna nkunu konsistenti u mhux nilagħbu bil-kliem skont kif jaqblilna, imma meta nindunaw li l-ewwel reazzjoni tagħna kienet żbaljata, għandu jkollna l-kuraġġ nammettu u nbiddlu fejn hemm bżonn. Dan mhuwiex sinjal ta’ dgħufija, imma ta’ għerf.

Fil-qari tal-lum għandna żewġ aħwa li t-tnejn bidlu fehmithom, iżda wieħed għax intebaħ li kien żbaljat u ried jikkoreġi lilu nnifsu, waqt li l-ieħor ma kienx għajr jilgħab bil-kliem ma’ missieru. Fir-realtà nistgħu nsibu fina nfusna xi ħaġa minn kull wieħed miż-żewġ ulied. Xi drabi nkunu bħat-tieni iben: malajr ngħidu “iva,” anke jkun b’intenzjonijiet tajba, imma dik il-wegħda tibqa’ biss kliem u qatt ma ssir parti mill-għemil tagħna. Kemm drabi ngħidu li rridu naqtgħu xi vizzju, imma qatt ma nsibu l-qawwa biex nagħmlu dan; staqsi lil min jixtieq jaqta’ t-tipjip, jew lil min irid jikkontrolla l-ħelu u ċ-ċikkulata! Jew lil min irid jitbiegħed mill-kliem fieragħ u ħażin, inkella mill-pornografija. Kultant inħossuha tqila wisq biex ix-xewqat tajba li hemm fina nwettquhom mill-ewwel! Drabi oħra nkunu bħall-ewwel iben: l-ewwel reazzjoni tagħna tkun “le”, iżda mbagħad jiġri xi ħaġa ġewwa fina, u nerġgħu naħsbuha. Ġesù donnu jissuġġerixxi li dak li hu mportanti mhuwiex sempliċement l-ewwel kelma li toħroġ minn fommna, iżda fejn tmur qalbna. Il-kliem jista’ jkun ħafif, imma l-għemil mhux l-istess. Li ssarraf dak li tgħid fl-għemil jitlob ferm aktar impenn. Alla dejjem jagħtina ċans nerġgħu naħsbuha, biex nibdlu fehmithna u nibdew mill-ġdid.

Jista’ jiġri wkoll li nesperjenzaw dak li esperjenza l-missier tal-parabbola: xi ħadd li jkun wiegħedna xi ħaġa u reġa’ bdielu u fir-realtà għamel xi ħaġa totalment differenti. Jista’ jkun hemm min wiegħedna l-ilma jiżfen bil-kliem ħelu tiegħu, imma mbagħad l-fatti kienu ħaġa oħra. Fil-Malti għandna espressjoni għal din ir-realtà: ngħidu “ħożż fl-ilma,” għax tikteb x’tikteb fl-ilma, xejn ma jiswa – diskors ta’ bniedem bħal dan ma jiswa xejn. Xi drabi nesperjenzaw ukoll il-maqlub ta’ dan. Jista’ jkun li jkun hemm min warrabna u rrifjutana, ma qabilx magħna, jew ħa pożizzjoni li ddiżappuntana, u mbagħad aktar tard biddel fehmtu. Meta jiġri hekk, niftakru f’Alla l-Missier li, kif smajna fl-ewwel qari tal-lum, jagħti ċans lill-midneb jibdel triqtu u jgħix. Nilqgħu l-fehma ġdida ta’ dak li jkun, waqt li nirreżistu t-tentazzjoni li nfakkruh f’dak li kien intqal qabel. Jekk nixtiequ min jagħtina ċans li nibdlu fehmithna meta nindunaw li nkunu żbaljati, ejjew aħna wkoll nagħtu ċans lil oħrajn jikkoreġu fehmithom.

Il-messaġġ tal-lum jibqa’ wieħed ċar: Alla jħares lejn il-qalb, mhux lejn l-ewwel reazzjoni. Mhuwiex il-kliem li jagħmilna nies integri, imma l-għemil li jikkonferma dak li ngħidu. Il-koerenza, l-umiltà li nammettu l-żbalji, u l-kuraġġ li nbiddlu fejn hemm bżonn huma sinjal ta’ min verament irid jgħix fil-verità. Ejjew mela nkunu nies li mhux biss “ngħidu,” imma “nagħmlu”: nies li jagħtu ċans lilhom infushom u lil oħrajn biex jikbru, jitgħallmu u jerġgħu jibdew mill-ġdid.