Riflessjoni għas-27 Ħadd ta' matul is-sena

Riflessjoni għas-27 Ħadd ta' matul is-sena

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana. 

Illum m’hemmx bżonn jinbnew torrijiet biex titħares belt; hemm modi aktar effettivi fejn tidħol sigurtà. Imma t-torrijiet xorta għadhom jinbnew, anzi, saru jitilgħu aktar fil-għoli minn qatt qabel. It-torrijiet moderni għandhom importanza li tmur ’il hemm mill-idea klassika ta’ struttura ta’ difiża jew simbolu reliġjuż bħalma huma l-kampnari tal-knejjes. Illum, torri hu aktar punt ta’ identità urbanistika, li jagħti sens ta’ prestiġju u modernità. Ħafna drabi torri modern hu ċentru ta’ attività ekonomika u kummerċjali, li fih issib uffiċċji, banek u kumpaniji ta’ fama dinjija. Għandhom ukoll funzjoni soċjali u urbana għax joffru spazji residenzjali, lukandi, ristoranti u postijiet ta’ kultura u divertiment. It-torrijiet moderni huma wkoll simbolu ta’ progress teknoloġiku; saru avvanzi kbar fl-arkitettura u l-inġinerija, tant li jippermettu bini b’saħħtu li jibqa’ wieqaf quddiem l-elementi naturali. Huma għalhekk simbolu ta’ ambizzjonijiet futuri. Il-kapaċità teknoloġika tesprimi l-ħsieb li l-belt qed tħares ’il fuq u ’l quddiem.

Fil-parabbola li għandna quddiemna llum, naraw li sid ħaseb biex jatrezza l-għalqa tad-dwieli tiegħu b’torri. Dan it-torri ma kellux biss funzjoni prattika li jħares l-għalqa minn kull għadu, u minn kull periklu, imma ried ukoll jagħti identità lill-istess għalqa. Kull min jara t-torri seta’ jidentifika l-għalqa ta’ dan is-sid. It-torri kien sinjal tal-imħabba kbira li s-sid kellu lejn l-għalqa tad-dwieli, għax investa fuq li nvesta biex l-għalqa ma jonqosha xejn. Imma x’ġara? It-torri ntuża ħażin minn dawk li ġew fdati biex jieħdu ħsieb l-għalqa tad-dwieli. Flok telgħu fit-torri biex jgħassu kontra l-għadu, bdew jużawh biex jgħassu kontra s-sid; telgħu fit-torri biex jaraw mill-bogħod lil kull qaddej li s-sid kien qed jibgħat biex jiġbor sehmu, u jeħilsu minnu malajr kemm jista’ jkun. Minn fuq it-torri raw ġej ukoll bin is-sid u ftehmu biex jeqirduh ħalli jaħtfu kollox taħt idejhom. Dan ma hu xejn għajr abbuż. Ma kienx jinteresshom la mis-sid u anqas mill-identità tal-għalqa. Fittxew biss il-ġid u l-interessi tagħhom.

Kull tip ta’ abbuż hu ta’ min jistkerrħu. Bir-raġun li nirrabjaw meta nisimgħu ġrajjiet ta’ abbuż, l-aktar minn min jinqegħda ħażin mill-fiduċja li jkun igawdi; nitniktu meta nisimgħu stejjer ta’ abbuż fuq it-tfal jew fuq persuni vulnerabbli. Jiddispjaċina meta nindunaw li nies ta’ resposabbilità jfittxu aktar l-interessi tagħhom milli jagħmlu dak li għandhom jagħmlu. Ikollna raġun li ninkeddu u nuru pubblikament il-kundanna tagħna għal kull tip ta’ abbuż. Imma ejjew ma mmorrux ’il bogħod, għax jista’ jiġri li aħna wkoll nabbużaw mill-fiduċja li Alla jurina. Il-Mulej illum qed jafda l-għalqa tiegħu f’idejna. L-għalqa hija ħajjitna, il-familja tagħna, il-komunità tagħna, il-Knisja u dak kollu li Alla tana. Aħna m’aħniex sidien assoluti ta’ dawn l-affarijiet; aħna biss amministraturi tagħhom. It-tentazzjoni tagħna tixbaħ lil dik tal-bdiewa fil-parabbola, li nsew li l-għalqa kienet tas-sid; huma riedu jagħmlu kollox tagħhom. Riedu l-frott imma mingħajr ma jirrikonoxxu lil min tahom l-għalqa. U forsi hawn ta’ min nistaqsu: kif qed nuża dak li Alla qed jafdali f’idejja? Alla tani l-ħajja. X’qed nagħmel biha? Tani familja. Qed nibniha fl-imħabba u fil-fidi f’Alla? Tani talenti u kapaċitajiet. Qed nużhom għall-ġid tal-oħrajn, jew għall-ġid tiegħi biss? Tana komunità u Knisja. Qed inħoss li għandi responsabbiltà fiha, jew nistenna biss li oħrajn jagħmlu kollox? Għeżież, jista’ jkun li aħna wkoll nabbużaw, għax flok naqdu lis-sid inkunu aktar qed ninqdew aħna.

Hawn jidħol mill-ġdid is-simbolu tat-torri. It-torri jfakkarna li rridu nħarsu sew ’il fuq kif ukoll madwarna. Inħarsu lejn Alla, biex ma ninsew qatt min hu l-veru Sid tal-għalqa. U nħarsu madwarna, biex naraw x’qed jiġri fil-ħajja tagħna u fil-ħajja ta’ dawk ta’ madwarna. Min jgħix biss għalih innifsu juża t-torri biex jeqred dak kollu li jfakkru f’Alla. Jara biss dak li għandu u jfittex il-frott ta’ issa mingħajr ma jqis lil Alla. Ejjew nitilgħu fuq it-torri tat-talb u naraw il-ħajja bl-għajnejn tal-fidi.