Riflessjoni għas-6 Ħadd tal-Għid

Riflessjoni għas-6 Ħadd tal-Għid

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Il-Mosta raħal jew belt? Forsi tgħiduli: kien darba raħal! X’jagħmel belt belt? Żgur li mhux it-titlu! Fi żmienna r-realtà tal-bliet hi realtà li qed issir aktar imporanti. Belt tiġbor fiha att kbir ta’ nies li l-għixien tagħhom ma jkunx ġej mill-agrikoltura. Għandna bliet li fihom miljuni ta’ miljuni jgħixu fihom. L-istudjużi jgħidu li l-urbanizazzjoni tiġġenera ħajja aktar sostenibbli. Ħafna drabi fil-bliet issib soċjetà organizzata; fost l-oħrajn torganizza l-akkomodazzjoni, it-trasport, l-edukazzjoni, l-impjieġi, il-kommunikazzjoni, is-saħħa, u r-rikreazzjoni.  Hu fatt li fil-belt issib ferm aktar kumditajiet milli fl-irħula, minħabba l-ħafna servizzi li jiġu offruti. Per eżempju f’raħal mhux dejjem issib tixtri ċertu affarijiet, peress li ma jkunx hemm ħwienet ta’ kollox. Forsi għalhekk diversi rħula fid-dinja qed jinbidlu fi bliet jew inkella jitbattlu min-nies għax jerħulha lejn il-bliet kbar u jissetiljaw hemm. Fil-każ tagħna, nistgħu ngħidu li Malta qed issir belt waħda; ma tantx għad baqa’ rħula li tista’ ssejħilhom tassew rħula: forsi f’Għadwex baqa’ ftit aktar!

Fil-bliet in-nies jgħixu fi spazju limitat u għalhekk jgħixu aktar qrib xulxin; fihom issib aktar spazji komuni. In-nies ibiegħu u jixtru mingħand xulxin, peress li mhumiex self sufficient, bħal dawk tal-kampanja u l-irħula; għalhekk huma bżonn xulxin.  Imma l-bliet jistgħu isiru wkoll ħabs ta’ nies li jingħalqu fi djarhom, għax id-dinja tagħhom tiċkien dejjem aktar. Hemm il-periklu li n-nies isiru aljenati fil-kamra tagħhom, maqtugħa mill-ambjent u mill-oħrajn – isiru wisq preokupati bihom infushom. Belt għandha l-kapaċità li toħloq emarġinati ġodda. Barra minn hekk f’belt jinbtu wkoll klikek u gruppi li jgħidu fuq xulxin u jeħduha kontra xulxin. Għalhekk il-ħajja tal-belt mhux dejjem hi waħda pjaċevoli; il-ħajja mgħaġġla tal-belt, il-ġenn li ħafna nies jgħixu fiha, l-istorbju lejl u nhar li ssib fiha, u tant u tant sfidi oħra, jistgħu jgħamlu l-ħajja tal-belt diffiċli. Aktar ma jkunu jgħixu nies fiha, aktar taf issib inkwiet.

It-tieni qari tal-lum, jitkellem minn belt partikulari. Quddiemna għandna xena sabiħa, xena movimentata, li fiha naraw deskrizzjoni ta’ belt nieżla mis-sema, hi belt qaddisa. Xena li toffri konsolazzjoni għall-bniedem imġarrab. Toffri rikonċiljazzjoni bejn Alla u l-bniedem. Il-belt il-ġdida li nieżla mis-sema, tikkosisti minn komunità ta’ bnedmin li jgħixu fl-imħabba. Din ix-xena tal-belt il-ġdida, tgħatina tama li l-bliet tagħna jistgħu jiġġeddu u fihom isseħħ il-wegħda ta’ Ġerusalemm il-ġdida. Il-belt il-ġdida hi rigal mingħand Alla; Hu jibniha, Hu jżejjinha, u Hu jadottha bħala bintu. 

F’ din il-belt ebda tempju ma hemm għax Alla hu t-tempju tagħha. Mela x’inhu l-post tal-knisja fil-belt il-ġdida? Il-belt il-ġdida tħaddan fiha dak kollu li hu mifdi, u dak kollu li hu safi; għalhekk din il-belt hi akbar mill-istess knisja. Imma l-knisja hi l-pedament, is-sur u l-bibien. Il-pedament hu l-garanzija li l-belt se tibqa’ soda; u kif qal San Pawl, il-pedament hu Kristu nnifsu. Il-knisja hi l-ġisem ta’ Kristu fuq l-art, għalhekk il-knisja trid tkun sinjal ta’ Ġesù Kristu fi żmienna. Is-sur tal-belt jissaħħaħ bit-talb tal-fidili, li jilqa’ milli l-għadu jidħol fil-belt u jniġġisha. It-tribijiet jgħassu u jżommu l-bibien miftuħa biex jilqgħu lil kull min qed ifittex il-verità. Kull min jidħol minn dawn il-bibien jiġi milqugħ minn komunità ħajja, u jħossu at home. Fl-ibliet tad-dinja l-knisja trid tilqa’ lil min qed ifittex, u għalhekk irridu naċettaw il-varjetà fl-istess knisja; tribujiet differenti – bibien differenti. Il-komunitajiet tagħna għandhom ikunu l-bibien u jgħinu biex in-nies jersqu aktar lejn xulxin; tgħinhom jaqsmu l-ispazji komuni u juru rispett akbar lejn xulxin.  Twassal biex kulħadd iħossu aċċettat. Kulħadd hu uniku, imma kulħadd għandu spazju f’din il-belt il-qaddisa. Il-knisja trid taqdi l-belt bla tempju.  Ejjew noħorġu mit-tempji tagħna, minn dak li mdorrijin fih, minn dak li ħafna drabi hu mistenni minna, u minn dak li jidher ovju; noħorġu biex niltaqgħu mal-ieħor u ngħarfu lil Alla fl-ieħor. Ngħaraf li Alla qed jaħdem barra mill-knisja ma’ diversi persuni oħra. Id-diversità, għalhekk, hi grazzja.

Jalla l-parroċċa tagħna, il-komunitajiet tagħna jsiru bibien miftuħa, bibien li jipproponu lill-oħrajn biex jidħlu fil-belt u jagħmlu parti minn din il-belt il-qaddisa, ħalli huma wkoll jesperjenzaw lil Alla. Min-naħa tagħna hemm bżonn li nemmnu li dan diġa’ qed isir. Flok ingergu mis-sitwazzjoni tas-soċjetà, ejjew nemmnu li Alla Hu dawl qawwi li ma jħallix lejl fil-belt qaddisa; nemmnu li Hu għadu jibni din il-belt ta’ Ġerusalemm il-ġdida. Ejjew nissaħħu billi nidħlu spiss mill-bibien miftuħa u nqimu lill-ħaruf fit-talb u fl-esperjenza spiritwali.