Riflessjoni għas-7 Ħadd tal-Għid

Riflessjoni għas-7 Ħadd tal-Għid

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Ma tantx nifhem wisq u anqas qatt ma kont delittant tal-futbol. Madanakollu fil-ftit partiti li segwejt dejjem ammirajt ir-rowl tal-kowċ tat-tim waqt il-logħba. F’nofs il-partita l-kowċ iħoss il-bżonn li jiġbor madwaru l-membri tat-tim. Dik il-laqgħa qasira tagħmel differenza kbira fil-players, tant li joħorġu fil-grawnd b’enerġija ġdida. Ma nafx x’ikun qed jgħidilhom imma nimmaġina li jagħmel minn kollox biex jinkuraġġixxi lit-tim, jagħtihom istruzzjonijiet, u jekk ikun hemm bżonn jiġbed l-attenzjoni tal-players biex jibqgħu iffukati fuq dak li l-aktar għandhom ikunu ffukati fuqu. Wara li l-kowċ ikun għamel li għandu jagħmel, iwarrab u jħalli l-players jilgħabu huma bla wisq indħil.

Dan kien li għamel Ġesù mad-dixxipli tiegħu. Hu ġabarhom madwaru, tagħhom esperjenza ħajja tiegħu nnifsu, kellimhom biex iqawwilhom qalbhom u jsaħħahom fil-fidi, tagħhom istruzzjonijiet u għinhom jiffukaw fuq il-missjoni tagħhom. Imbagħad telaq u ħallihom jaħdmu huma.

Din l-aħħar laqgħa tiegħu magħhom kienet ferm imporanti. Ta’ min jinnota l-post fejn saret din il-laqgħa: tradizzjonalment jingħad li l-post li fih saret din il-laqgħa tal-aħħar kien fuq l-għolja taż-żebbuġ barra l-belt ta’ Ġerusalemm.  Dan hu l-istess post fejn ftit qabel id-dixxipli kienu sparpaljaw ruħhom u xterdu mħawdin minħabba l-arrest ta’ Ġesù. Dak inhar ħarbu frott il-biża’. Issa Ġesù għażel propju l-istess post biex jerġa’ jiġbor flimkien lil dawk li kienu xterdu. Dak inhar xi ħaġa ġara fid-dixxipli, għax mill-istess post huma rebħu l-biża’ u telqu minn hemm mimlija b’ħeġġa biex iwettqu l-missjoni ġdida li Ġesù afdalhom f’idejhom. Din d-darba wkoll sparpaljaw ruħhom u xterdu, imma mhux għax mirbuħa mill-biża’ daqskemm minħabba li kienu mimlija bil-qawwa tal-Ispirtu. Minn hemm xterdu mad-dinja kollha.

F’din l-aħħar laqgħa mportanti, li Ġesù kellu mad-dixxipli tiegħu, tkellem fuq is-Saltna ta’ Alla – din kienet l-aġenda tiegħu, tant li d-dixxipli ħasbu li l-wegħda tas-Saltna ta’ Alla kienet se titwettaq dak inhar. Imma Ġesù wriehom li s-Saltna ta’ Alla kellha tinbena u titwettaq bil-ħidma tagħhom; bit-tħabrik għat-twettieq tal-missjoni li afdalhom f’idejhom. Il-wegħda tas-Saltna ta’ Alla twettqet u għadha qed titwettaq illum, fi żmienna. Kull meta nkunu miġbura u maqgħuda flimkien bħala poplu wieħed, nkunu qed nibnu s-Saltna ta’ Alla. San Pawl fl-ittra tiegħu lill-Efesin jgħidilna: “Ħabirku biex iżżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem; ġisem wieħed, ruħ waħda.”  Id-dixxipli baqgħu marbutin fi spirtu wieħed, minkejja li kienu xterdu sa truf l-art.

Dan hu s-sabiħ tal-knisja, li minkejja li ssibha preżenti f’kull pajjiż tad-dinja, qalb popli differenti, f’kulturi differenti, u f’ġenerazzjonijiet differenti, xorta hemm spirtu wieħed – l-ispirtu ta’ Kristu Rxoxt.  Ġesù tana l-Ispirtu tiegħu biex nibqgħu maqgħuda bħal tim wieħed. Ta’ qabilna rċevew l-Ispirtu ta’ Ġesù u għaddewh lilna; llum imiss lilna li dan l-Ispirtu ngħadduh lil ta’ warajna. Dan li nifhmu meta nitkellmu minn Tradizzjoni fil-knisja. Tradizzjoni ma tifssirx li taħkem u tipreserva l-passat,  imma propju l-maqlub, għax tfisser li titlaq minn idejk dak li rċivejt – tgħaddi l-Ispirtu ta’ Ġesù lill-oħrajn. Dan l-Ispirtu ta’ Kristu jgħaddi minn id għal oħra, minn ġenerazzjoni għal oħra. Qisu bħal relay race, fejn atleta jerħi f’idejn ħaddieħor dak li jkun irċieva, b’hekk kull membru tat-tim jagħmel il-parti tiegħu sakemm ilkoll jaslu għar-rebħa.

Ejjew aħna wkoll inħabirku u nirsistu biex l-Ispirtu ta’ Kristu li rċevejna ngħadduh lill-ġenerazzjoni ta’ warajna. Ejjew aħna wkoll nagħmlu li nistgħu biex is-Salna ta’ Alla tkompli tinbena; ejjew tassew inkunu ħaġa waħda, ġisem wieħed u ruħ waħda. Ejjew ngħixu skond l-istruzzjonijiet li ta Ġesù lill-knisja tiegħu. J’Alla l-laqgħa tagħna llum mal-Mulej Ġesù tagħtina ħeġġa akbar biex noħorġu fid-dinja nxandru l-Aħbar it-tajba – l-aħbar li Ġesù hu ħaj tassew.