Riflessjoni għas-7 Ħadd tal-Għid
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Dan baqa’ jiġri sal-lum. Il-fidi f’Ġesù waslet għandna għax kien hemm diversi qabilna li bil-kliem u bl-eżempju tal-ħajja tagħhom għallmuna nkunu dixxipli ta’ Ġesù. X’wassal biex dan jibqa’ għaddej minn ġenerazzjoni għal oħra jekk mhux l-istess Spirtu ta’ qawwa li rċevew l-Appostli! Dan l-Ispirtu qed jaħdem u jibqa’ jaħdem sal-aħħar. B’hekk il-fidi f’Ġesù għadha ħajja u tibqa’ ħajja. Illum waslet għandna u permezz tagħna trid tasal għand oħrajn. Tassew aħna studenti u mgħallmin fl-istess ħin: bħala studenti nitgħallmu mill-eżempju ta’ tant persuni li jkunu waslu li jgħixu l-missjoni ta’ Kristu fihom, u aħna mgħallmin meta ngħinu lil ħaddieħor jiskopri s-sewwa. San Pawl fl-ittra lill-Efesin (it-tieni qari tal-lum) iħeġġiġna biex “ngħarfu l-kobor bla qies tas-setgħa tiegħu fina li emminna.” Tassew aħna msejħin għall-ħwejjeġ kbar u għandna sehem minn ħwejjeġ tal-għaġeb. Hemm bżonn li niskopru ferm aktar “x’inhu l-għana tal-glorja tal-wirt li tagħkom taqsmu mal-qaddisin” biex ma nintrebħux mill-biża’ u l-qtiegħ ta’ qalb. Forsi hawn minn iħossu nferjuri għax hu dixxiplu tal-Mulej! Forsi hawn minn jibża’ juri x’jemmen quddiem dinja li widnejna magħluqa għas-sewwa. Imma ejjew niftakru f’din il-qawwa li hemm f’kull wieħed u waħda minna. Niftakru kemm l-Imgħallem tagħna qed jafdana meta jibgħatna fid-dinja biex inxandru t-tagħlim tiegħu u ngħixu fuq il-kmandamenti tiegħu fil-ħajja ta’ kuljum.