Riflessjoni għas-solennità tat-Trinità Qaddisa
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Qatt lgħabt il-logħba: I spy with my little eye? Logħba ta’ taħbil il-moħħ, li tgħodd sew għat-tfal kif ukoll għall-kbar. Logħba li fiha tipprova taqta’ l-kelma li għandu f’moħħu ħaddieħor. Dak li jgħid: “I spy with my little eye,” ikun diġà ħaseb fil-kelma, wara li jkun ra xi ħaġa madwaru; il-kelma tkun teżisti f’moħħu, imma ħadd ma jkun jaf x’inhi, sakemm din il-kelma tiġi mlissna u mifhuma mill-oħrajn. Hemm relazzjoni bejn il-kelma maħsuba, il-kelma mlissna u l-kelma mifhuma. Il-gost tal-logħba qiegħed fil-fatt li ssir taf u tifhem x’għandu f’moħħu l-ieħor.
Dan nistgħu narawh jiġri bejn il-persuni tat-Trinità Qaddisa. Il-Missier hu l-persuna li ħaseb il-Kelma sa mill-eternità, l-Iben hu l-persuna li lisnet il-Kelma fiż-żmien (il-kelma nkarnata), u l-Ispirtu s-Santu hu l-persuna li nterpreta l-Kelma. Hemm relazzjoni perfetta bejniethom – rabta li ma tistax tiġi nieqsa.
- Kienet din il-kelma li waslet għall-kreazzjoni. Tant li fir-rakkont tal-ħolqien naqraw: u qal Alla... “Ħa jkun id-dawl u d-dawl sar...” u hekk ġara għal kull ħaġa maħluqa; kollox sar bil-Kelma ta’ Alla.
- Kienet din l-kelma li waslet għar-redenzjoni (salvazzjoni) wara li l-bniedem waqa’ fid-dnub. Fil-bidu tal-Evanġelju ta’ San Ġwann naqraw: “U l-Kelma saret bniedem u għammret fostna u aħna rajna l-glorja tiegħu, il-glorja li għandu mill-Missier bħala Iben il-waħdieni.” Id-dnub ipprojbixxa li l-bniedem jara l-glorja ta’ Alla, imma l-Kelma ta’ Alla, li saret bniedem, warrbet kull ostaklu li ma ħalliniex naraw il-glorja vera ta’ Alla.
- Kienet din il-Kelma li wriet u għadha qed turi min hu tassew Alla. L-Ispirtu li nagħta lil dawk li jħobbu l-Kelma, saru jafu minn tassew hu Alla. Tassew aktar ma nsiru nafu lil Alla, aktar tissaħħah ir-relazzjoni tagħna miegħu. U frott din r-relazzjoni nħossu l-bżonn li naqduh dejjem aktar. San Pawl fit-tieni qari tal-lum jesprimi b’mod ċar li “dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla.” Bħala wlied nistgħu nsejħu lil Alla: Missier, nistgħu nidentifikaw ruħna mal-Iben il-waħdieni u nistgħu nkunu mimlija bl-Ispritu Qaddis.
Fl-ewwel qari smajna lil Mosè jgħid: “Qatt kien hemm poplu li sama’ leħen Alla jitkellem minn ġon-nar - bħalma smajt int - u baqa’ ħaj?” Kienet sewwa sew l-esperjenza ta’ Mosè nnifsu, li kien sema’ lil Alla jitkellem minn ġos-siġra tal-għollieq tabqad u wrieħ min tassew hu: qallu “jien hu Alla ta’ Abram, Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakob.” Urieh li hu Alla tar-relazzjonijiet, u għalhekk xtaq li jkun ukoll Alla tiegħu – ta’ Mosè. Mis-siġra taqbad Alla wera wkoll lil Mosè x’ried minnu; ried li permess tiegħu jsalva lill-poplu għażiż tiegħu mill-jasar tal-Eġittu. Għalhekk meta l-kelma, li kienet f’moħħ Alla mill-eternità waslet għand Mosè, u meta Mosè laqgħa l-kelma għax fehem dak li Alla ried jgħidlu, seta’ jibni relazzjoni b’saħħitha ma’ Alla, tant li wasal biex jaqdiħ u jagħmel dak li talbu – mar għand il-Faraun jitolbu biex jeħles lill-poplu mill-jasar.
Hekk jiġri f’kull wieħed u waħda minna kull meta taslilna l-Kelma, kull meta nisimgħuha u kull meta nifhmuha. Inkunu qed ninfetħu għal Alla l-Missier, Alla l-Iben u Alla l-Ispirtu s-Santu. Inkunu qed nibnu relazzjoni aktar profonda ma’ kull persuna tat-Trinità qaddisa, u ssir aktar possibbli li noqgħodu għall-kmandamenti tiegħu u nagħmlu dak li jiltob minna. L-eżartazzjoni ta’ Mosè lill-poplu: “Ħares, għalhekk, l-ordnijiet u l-kmandamenti tiegħu li se nagħtik illum biex ikollok riżq, int u wliedek warajk, ħalli tgħix żmien twil fuq l-art li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik għal dejjem,” hi eżartazzjoni għalina wkoll, tant li tħeġġiġna biex inħarsu dejjem aktar l-ordnijiet u l-kmandamenti tiegħu. Mhux biss imma tħeġġiġna biex immorru mad-dinja kollha u nwasslu l-Kelma ħalli oħrajn ukoll isibu ruħhom f’relazzjoni mat-Trinità Qaddisa u jipparteċipaw mill-ħajja ta’ Alla.
Ejjew għalhekk nibqgħu nagħmlu ħilitna biex insiru nafu l-Kelma ta’ Alla, nisimgħuha u nifhmuha ħalli r-relazzjoni tagħna miegħu tkompli tissaħaħ u tikber sa ma twassalna biex naqdu dejjem aktar lil Alla fl-Imħabba. Għal dan Alla ħalaqna: biex nagħrfuh, inħobbuh u naqduh u wara din il-ħajja mmorru ngawduh għal dejjem fl-eternità.