Riflessjoni għas-Sollenita ta’ Corpus Christi

Riflessjoni għas-Sollennita ta' Corpus Christi

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana

Min jagħmel tajjeb meta tifel ikisser xi ħġieġa bil-ballun? U tgħid mhux missieru jew ommu jkollhom jagħmlu tajjeb u jħallsu l-ħsara li tkun ġrat! Min jagħmel tajjeb jekk xi professjonist jieħu xi żball? U ħafna drabi mhux il-klijent innifsu jrid jagħmel tajjeb u jfittex soluzzjonijiet biex isewwi l-iżball!

Inċidenti jiġru, ħsara ssir u żbalji umani huma komuni wkoll, għalhekk kull meta nidħlu għal xi ħaġa, rridu nqisu tajjeb ir-riskji li jkun hemm u naraw x’jista’ jagħmel tajjeb jekk kemm-il darba xi ħaġa ma tmurx kif mixtieq. Hekk per eżempju qabel ma’ tidħol għal-loan mill-bank, jitolbuk turi x’hemm li jista’ jagħmel tajjeb, biex jekk kemm-il darba ma tasalx li tħallas dejnek, il-bank jkun jista’ jieħu sehmu.  Ħafna drabi, quddiem dawn is-sitwazzjonijiet, ikun hemm bżonn li xi ħadd ieħor jagħmillek tajjeb. Kultant inkunu aħna li jkollna ngħamlu tajjeb għal ħaddieħor.  Donnu dejjem irid ikun hemm min ikun lest li jsir vitma u jagħmel tajjeb għal xi nuqqas jew falliment; il-vittma trid tħallas tal-iżball u tissagrifika ruħha jew dak li għandha biex tissewwa l-ħsara! 

Dan id-diskors ifakkarna fis-sens ta’ sagrifiċċju li nsibu fit-testment il-qadim u f’reliġjonijiet primittivi. Ħafna drabi l-annimali kienu jagħmlu tajjeb b’demmhom stess għad-dnubiet tan-nies; kienu jinqatlu nagħaġ u barrin biex in-nies iħossu li nħafrulhom dnubiethom. Fl-ewwel qari tal-lum għandna referenza għall-offerta; imma mhix offerta ta’ annimali ssagrifikati, iżda offerta ta’ ħobż u nbid. Din l-offerta saret minn Melkisedek, sultan u qassis;  hu biha bierek lil Abram.  Abram ħass il-qawwa ta’ din l-barka, u għaraf kif Alla kien għamel tajjeb għalih u ħelsu mill-għedewwa tiegħu. Għalhekk Abram kien lest li joffri l-għexur (10%) ta’ dak kollu li kellu, bħala radd il-ħajr. 

Meta nħarsu lejn it-testment il-ġdid, insibu li hawn ukoll għandna sultan u qassis li offra ħobż u nbid, u b’din l-offerta bierek u ħeles lil bniedem mill-għadu l-kbir. Imma hu wkoll sultan u qassis li għamel tajjeb b’demmu u b’ħajtu biex il-bniedem ikun meħlus mid-dnub u l-mewt ta’ dejjem. Il-festa ta’ Corpus Christi tfakkarna kif Ġesù sar vittma biex tissewwa l-ħsara. San Luqa fl-Evanġelju juri ċar li l-missjoni ta’ Ġesù kienet propju li jfejjaq lil dawk li kienu jeħtieġu l-fejqan, kif smajna fil-bidu tal-Evanġelju tal-lum, u li jeħles lil bniedem mix-xitan u l-ispirti ħżiena. Iva, aħna tassew ġejna meħlusa minn ħalq il-mewt.

X’se jkun ir-rispons tagħna quddiem dan il-ġest ta’ salvazzjoni? Abram ta l-għexur, u aħna x’nistgħu nagħtu lil Alla bħala radd ta’ ħajr? X’inhuma l-għexur tagħna? Il-Mulej m’għandu bżonn xejn minn tagħna, imma jixtieq li noffrulu lilna nfusna – nissagrifikaw lilna nfusna, u bħal Ġesù nkunu lesti li nagħmlu tajjeb għal ħaddieħor.  Fl-Evanġelju tal-lum naraw kif quddiem il-folla tan-nies bil-ġuħ, Ġesù dar lejn id-dixxipli tiegħu u qalilhom: “għamlu tajjeb intom għalihomgħatuhom intom x’jieklu.” Id-dixxipli ħassewha iebsa biex jagħmlu tajjeb għall-folla kollha u jmorru jixtru ikel għal kulħadd.  Imma Ġesù kien jaf il-limitazzjoni tad-dixxipli, għalhekk laqa’ l-offerta ta’ dak li kellhom, anke jekk kienet offerta ċkejkna ta’ ħames ħobżiet u żewġ ħutiet.  Imma anke hawn, id-dixxipli kellhom jissagrifikaw dak li kellhom għall-folla, u Ġesù laqa’ din l-offerta u berika. U mhux dan li jogħġob lill-Mulej? Li nkunu lesti noffru anke ʹl ftit tagħna u nagħmluh disponibbli għall-oħrajn?

Quddiem il-preżenza reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija, ejjew inkomplu nagħrfu kif hu ssagrifika kollox għalina biex aħna nkunu salvi. Ejjew ilkoll inroddulu ħajr, mhux wisq bil-kliem imma billi nsiru bħalu u nissagrifikaw il-ħin u l-enerġija tagħna, dak li għadna biex nagħmlu tajjeb għall-oħrajn li jinsabu fil-bżonn.