Riflessjoni għas-Sollennita ta' Kristu Sultan

Riflessjoni għas-Sollennita ta' Kristu Sultan

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Kull vapur għandu bżonn kaptan li jidderġih biex jasal fid-destinazzjoni tiegħu. Bla dubju, il-kaptan għandu bżonn l-għajnuna tac-chief officers u baħħara oħra. Ilkoll għandhom xogħol vitali ħafna fuq il-vapur, imma kaptan dejjem wieħed ikun. Hu għandu missjoni partikulari li jiġbor fil-persuna tiegħu l-unità tal-baħħara kollha. Aħna ngħidu li “vapur b’żewġ kaptana ma jimxix,” u hekk hu. Jekk ma jkunx hemm kaptan wieħed, il-vapur żgur li jsib ruħu f-inkwiet kbir. Dan jgħodd għal kull tim, kull grupp u għal kull fejn hemm in-nies. Ikun hemm kap wieħed, mhux biex dak li jkun jiddomina u jaħkem fuq l-oħrajn, imma biex fil-persuna tiegħu juri l-unità tal-istess grupp. Dan il-mudel ta’ tmexxija nsibuh fil-gruppi tal-knisja (il-papa, l-isqof, il-kappillan, is-superjur, eċċ), fil-partiti politiċi, fl-għaqdiet soċjali, f’timijiet sportivi kif ukoll f’kumpaniji ta’ negożji kbar u żgħar.

Fl-ewwel qari għandna quddiemna lil David, li sar sultan ta’ Iżrael kollu, minkejja li Iżrael kien maqsum f’żewġ saltniet. David sar sinjal ta’ għaqda fost il-poplu kollu. Bħala sultan David kien gwerrier qalbieni, li tqabad kontra l-għedewwa tal-poplu. Dak iż-żmien kien mistenni li sultan ikollu ħila kbira fit-taqbid u li jkun  jaf sew is-sengħa tal-gwerra, ried ikun ħajt tal-kenn għas-sudditi tiegħu. Sultan tajjeb joffri sigurtà u mistrieħ il-moħħ lin-nies kollha tas-saltna. David kien tassew sultan tajjeb għax tqabad kontra saltniet qawwija li kienu tgħeddida kbira għal Iżrael.  

Ġesù kien min-nisel ta’ David, għalhekk kellu demm irjali. Bħal David, Ġesù hu sinjal ta’ unità: Ġesù sultan tas-sema u tal-art. Fil-persuna ta’ Ġesù nilmħu lill-umanità’ kollha mifdija minnu, tidher ukoll l-għaqda bejn dak li hu tal-art u dak li hu tas-sema, kif ukoll rabta sħiħa tal-cosmos kollu – dak kollu li hu maħluq. F’Ġesù kollox hu connected.  Bħal David, Ġesù kien ukoll gwerrier ta’ ħila. Hu kontinwament jitqagħbad kontra l-għadu 'l kbir, kontra l-ħażen u kontra dak kollu li jgħedded il-qdusija tal-poplu. Hu jitqagħbad biex jiġbor flimkien il-ħolqien kollu, kif smajna wkoll fit-tieni qari tal-lum. It-taqbid tiegħu waslu sa fuq is-salib.  Kulħadd beda jaħseb li kien sultan mirbuħ: il-kittieba, is-sultdati u wieħed mill-imsalbin miegħu, sfidawh biex juri l-ħila tiegħu fit-taqbid u qalulu biex jinżel minn fuq is-salib. Imma fuq is-salib, Ġesù kien f’pożizzjoni partikulari: kien f’post minn fejn kulħadd seta’ jarah. Rah il-poplu, rawh il-kapijiet, rawh is-suldati u rawh dawk li kienu msalbin miegħu. Kulħadd beda jħares u jara kif se tintemm it-taqbida bejn id-dlam u d-dawl. Dak il-mument tassew dalam, imma ftit wara bnazza. Il-ħila ta’ dan is-sultan fit-taqbid dehret wara li qam mill-mewt. Ġesù assorba d-dnubiet kollha tad-dinja fih innifsu u ħareġ rebbieħ. Meta qam mill-mewt u deher lid-dixxipli, uriehom il-feriti, sinjali tat-taqbida tiegħu mal-mewt, imma wkoll sinjali tar-rebħa tas-sultan. 

Meta niproklamaw lil Ġesù Sultan, inkunu qed inpoġġu lilna nfusna f’pożizzjoni ta’ għażla. Irridu nagħżlu jekk hux se ningħaqdu mal-armata tiegħu u miegħu nitqabdu kontra l-għadu, jew inkella nħalluħx u nissajdjaw mal-flotta tal-għadu, tax-xitan. Ma nistgħux nibqgħu ndifferenti quddiem is-Sultan fuq is-salib. Wieħed mill-imsalbin jagħtina eżempju, għax fil-mument tal-prova, dar lejn Ġesù, ħares lejh u talbu jiftakar fih, talba sempliċi imma mill-qalb. Għaraf li jekk Ġesù, is-sultan, jiftakar fih, ikun biżżejjed għalih għax dan is-sultan żgur li ma kienx se jabbandunah imma jieħu ħsiebu għall-eternità. Ġesù mhux biss laqgħa din it-talba u ftakar fih imma wegħdu li dak inhar “stess kien se jkun fil-ġenna miegħu.”

Ejjew aħna wkoll ngħamlu għażla tajba, inħarsu lejn Ġesù u nitolbuh jinkludina fl-armata tiegħu biex nitqabdu kontra dak kollu li jfixkel l-unità (l-oneness). Nitqabdu kontra l-għadu tal-firda, tal-mibgħeda, tal-qerda tal-ħajja (inkluż dik umana li tibda mill-ġuf), tal-vjolenza, u ma’ Ġesù noħorġu rebbieħa fuq id-dnub u l-mewt ta’ dejjem. Ejjew nimxu wara l-istandard tal-Mulej li hu s-salib, għax bih ħareġ tassew rebbiegħ. Illum ngħajtu fil-qalb tagħna u ngħidu Viva Ġesù Sultan tagħna, rebbiegħ fuq id-dnub u fuq il-mewt