Riflessjoni għas-Sollennita ta' Pentekoste

Riflessjoni għas-solennità ta' Pentekoste

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Fl-imgħoddi kienu parti mill-ħajja ta’ kuljum imma llum saru biss attrazzjonijiet sbieħ, li jiġbdu l-attenzjoni ta’ bosta. Qed nirreferi għall-imtieħen tar-riħ, li kienu jintużaw biex jidħnu l-qamħ u jagħmluh dqiq. Dan l-aħħar ġiet irrestawratha l-mitħna tal-Għaqba fin-Naxxar u tassew saret tiġbed l-attenzjoni. L-istess l-imtieħen tax-Xewkija, ta’ Kola fix-Xgħara Għawdex, il-mitħna tax-Xarolla fiż-Żurrieq u oħrajn. Barra mill-imtieħen, qed nirreferi wkoll għall-irdieden li kont tara ħafna minnhom fl-għelieqi; l-irdieden li kienu jintużaw flok pompi tal-ilma. Illum għadek tilmaħ xi waħda 'l hemm u 'l hawn fl-għelieqi, imma vera eċċezzjoni biex issib xi waħda minnhom li għadha taħdem. Missirijietna għarfu l-qawwa u l-importanza tar-riħ u rnexxielhom jiskopru kif permezz tar-riħ tista’ toħloq makkinarju utli. Ir-riħ hu tassew riżorsa abbundanti, li ma tispiċċa qatt; donnu qatt ma jgħaddi żmienha! Tant hu hekk li llum qed inkomplu nesploraw kif nisgħu nużaw aħjar ir-riħ għall-enerġija nadifa flok nibqgħu nikkunsmaw fuel li jniġġes l-arja. Fi żmienna diversi pajjiżi jużaw wind turbines biex jipproduċu enerġija nadifa.

L-Ispirtu s-Santu hu mqabbel mar-riħ. Kien Ġesù nnifsu li għamel dan il-paragun meta qal lil Nikodemu: “Ir-riħ fejn irid jonfoħ; tisma’ ħossu, imma ma tafx mnejn hu ġej jew fejn hu sejjer. Hekk jiġri minn kull min jitwieled mill-Ispritu.”  Anke fir-rakkont tal-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-appostli li nsibu fil-kbieb tal-Atti, naqraw: “f’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin.” X’hemm inkomuni bejn ir-riħ u l-Ispirtu s-Santu?

Meta nitkellmu dwar ir-riħ, nistgħu nosservaw varjetà kbira fil-qawwa tiegħu – jibda minn kalma, żiffa ħelwa li bilkemm iċċaqlaq bandiera mwaħla ma’ arblu, u jibqa’ jitqawwa sa ma jasal għal forza ta’ riefnu, li jġorr u jiknes kollox. F’kull livell ir-riħ iġib bidla u jagħti ħajja ġdida. L-istess nistgħu ngħidu għall-Ispirtu s-Santu, għax l-Ispirtu s-Santu jaf iġib kalma jew ċaqliqa ċkejna f’xi wħud, jew taqliba radikali fil-ħajja ta’ oħrajn.  Ħafna drabi dan jiġri fil-moħbi tal-qalb; bħalma r-riħ hu inviżibbli, u ma tistax tarah b’għajnejk, hekk ukoll l-Ispirtu s-Santu hu nviżibbli u ma tistax tara eżatt xi jkun qed jiġri fina. Hu jbiddel il-qalb ta’ dak li jkun; jista’ jinħass biss fl-imġieba ġdida, fl-għażliet u fid-deċiżjonijiet li wieħed ikun għamel. Tassew din il-bidla li ssir fil-ġewwien tagħna, ma tidhirx imma tinħass minn kulħadd. Rajna x’ġara mill-appostli, kif ħarġu mill-għeluq tagħhom u xandru lil Kristu fil-beraħ bla biża’ ta’ xejn.

Ir-riħ ma tistax tifhmu, idur u jerġa jdur f’kemm ilni ngħidlek. Għalkemm fit-tbassir tat-temp tingħatha ndikazzjoni tad-direzzjoni u tal-qawwa tar-riħ, spiss b’mod imprevist jinbidel kollox. Ir-riħ imur fejn irid hu. L-istess l-Ispritu s-Santu. Hu previst u ma tistax tifhem kif jaħdem f’persuni differenti. M’għandux stil wieħed li japplikah kulħadd, u għalhekk ma tistax tifhmu. Fil-ktieb ta’ Iżaija nsibu: “min mexxa l-Ispirtu tal-Mulej, x’kunsillier kellu biex jgħallmu? (40, 13) Ħadd – ħadd ma jista’ jmexxi l-Ispirtu ta’ Alla, ħadd ma jista’ jagħtih parir u jgħidlu kif għandu jmexxi. Imma hu jagħmel dak li jrid, għax hu spirtu ta’ Mħabba u dak kollu li jagħmel jagħmlu għall-ġid tal-persuna nnifisha u għall-ġid tal-oħrajn.

Ta’ min jonnota wkoll li l-kelma użatha fl-Iskrittura Mqaddsa biex tirreferi għall-Ispirtu hi Ruach (Ruħ). Tintuża l-istess kelma sew għar-riħ u sew għal Ruħ il-Qodos (Spirtu Qaddis, Spirtu s-Santu). Għalhekk l-Ispirtu s-Santu hu tassew dak li jagħti r-ruħ (ħajja ġdida) lil dawk li jsib postu fihom. Dak li jgħamel fija mhux l-istess li jagħmel fik, u dak li jagħmel fik mhux l-istess li jagħmel fl-ieħor u fl-oħra, imma lkoll nieħdu r-ruħ permezz Tiegħu.  Hu ma jridx li nistaġnaw, li nintelqu jew nitilfu kull entużjażmu fil-ħajja. Iridna nieħdu r-ruħ u għalhekk illum jixtieq li jinżel f’kull wieħed u waħda minna biex nerġgħu nsibu l-ħajja. Ejjew nitolbuh biex bil-qawwa tiegħu iwarrab minna dak kollu li qed itaqqalna u minflok jimliena b’ħeġġa ġdida, ottimiżmu u b’rieda li nagħmlu dejjem ir-rieda tal-Missier.