Riflessjoni għat-12 -il Ħadd tas-Sena Liturġika

Riflessjoni għat-12 -il Ħadd tas-Sena Liturġika

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana

Poġġi lilek innifsek fost id-dixxipli; immaġinak tiela’ fid-dgħajsa, issib postok, tmid idejk biex id-dgħajsa tinħall minn mal-moll u tibda’ miexja bil-mod. Immaġina dak li kont qed tħoss; forsi kont qed tħossok ferħan u kuntent għax issa ħriġtu minn qalb ir-rassa tan-nies, forsi qed tħossok privileġġjat għax Ġesù poġġa bil-qiegħda ħdejk, jew forsi qed tħossok għajjien u għandek seba’ mitt sena biex taslu ħa tistrieħu ftit. Ieqaf ftit – iskot f’dan il-mument. Bdejt tħoss iż-żiffa tar-riħ tiżdied; imma din xi ħaġa tas-soltu; immaġina lil Ġesù jonos u taraħ jgħalaq għajnejh ftit ftit u jorqod. Tħoss ir-riħ jiżdied, imma ma tinkwetax, sakemm tibda tara lid-dixxipli l-oħra, baħħara tas-sengħa, jibdew jippanikjaw; immaġina kif bdejt tħossok issa, għati każ x’qed jiġri fik hekk kif kont qed tosserva l-uċuħ tad-dixxipli mwerwra. Faċli ħafna li l-panik u l-biża’ tad-dixxipli jaffetwak u tħoss li l-biża’ qed jaħkem lilek ukoll; għati każ dak li kont qed tgħid fik innifsek! Forsi bdejt tgħid: ‘ladabra imwerwrin dawn in-nies tas-sengħa bil-fors is-sitwazzjoni hi mwiegħra.’ Immaġinak tipparteċipa f’diskussjoni mqanqla li qamet fost id-dixxipli biex jaraw x’jaqbdu jagħmlu; jekk jerġgħux lura jew le, jekk iqajmux lil Ġesù jew iħalluh jistrieh, jekk jaqtgħux qalbhom u jċedu, jew jekk jistgħux jitolbu l-għajnuna mingħand ħaddieħor (dgħajjes oħra). Għati każ ix-xewqat li hemm ġo fik – kieku jiddependi minnek x’kont tagħmel? U meta fl-aħħar qablu li jqajjmu lil Ġesù, kif ħassejtek? Ġesù qam, ikmanda lir-riħ jiskot u siket, mill-ġdid għati każ x’qed tħoss? U x’ħassejt meta Ġesù qal lid-dixxipli u lilek: “għalfejn qed tibżgħu, ja nies ta’ fidi ċkejkna?”

Ħafna drabi l-ambjent ta’ barra jaffetwa l-ġewwieni tagħna. Meta r-realtà ta’ barra tkun imħabta, faċli ħafna li aħna wkoll nitilfu s-serenità u l-paċi ta’ ġewwa. Il-biża’, it-twerwir u l-panik ta’ ħaddieħor faċli jaffetwa lilna wkoll, hekk kif ġara fil-każ tad-dixxipli. Mil-banda l-oħra, meta l-ambjent ta’ barra jkun kwiet dan jgħinna biex ikollna l-paċi u l-kalma minn ġewwa; meta niltaqgħu ma’ nies li huma sereni minn ġewwa, jgħinuna biex anke aħna nsibu l-paċi nterna. Id-dixxipli li kienu mħabbta, marru għand Ġesù li kien f’serenità u paċi u fih sabu s-serenità u l-paċi tagħhom.

Ġesù qal lid-dixxipli: “ja nies ta’ fidi ċkejkna.”  F’dawn il-ftit kelmiet Ġesù jurini xi tfisser tassew il-kelma fidi; fidi mhix kredu; li temmen tfisser li jkollok fiduċju sħiħa li l-Mulej mhux se jħallik tegħreq, temmen li l-Mulej qiegħed ħdejk u tafdah tul t-triq kollha sa ma tasal fil-port tas-sema.  

Poġġi lilek innifsek f’sitwazzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum. Ara ftit meta tħossok f’sitwazzjoni fejn qed tippanikja, tinkwieta, tibża’, liema bieb tħabbat? Jekk nfittxu l-wens f’nies li wkoll huma mħabbtin minn ġewwa, nispiċċaw nippanikjaw aktar – jispiċċa ambjent ta’ tgergir u argumenti li ma jwasslu mkien ħlief li jaqtgħulna qalbna.  Imma jekk induru lejn il-Mulej fit-talb, u jekk infittxu direzzjoni minn persuni li fihom hemm il-paċi u l-Ispirtu tal-Mulej, hemm ċans kbir li nsibu l-paċi ta’ qalbna mill-ġdid.  Għalhekk illum ejjew naraw fejn qed tistrieħ il-qalb tagħna.  Naraw fejn qed inpoġġu l-fiduċja tagħna. Kemm nemmen li Ġesù qiegħed ħdejja anke meta ma nħossux preżenti? Kemm nemmen (nafda) li se nasal sal-port tas-sema, jiġri x’jiġri f’ħajti, u ngħaddi minn x’hiex ngħaddi.

Id-dgħajsa hi wkoll simbolu tal-knisja li qed tbaħħar lejn il-port tas-sema; għalhekk anke bħala knisja hemm bżonn li nibqgħu sereni qalb il-qalel tal-mewġ li kultant insibu ruħna fih; u dan hu possibbli biss jekk nibqgħu nemmnu li Ġesù hu mal-knisja; nemmu li hu għadu magħha, u se jibqa’ magħha sal-aħħar taż-żmien, kif qalilna hu stess. Ejjew illum nitolbu għal ħutna nsara biex jibqgħu mimlija bil-fidi u t-tama.