Riflessjoni għat-13 -il Ħadd ta' matul is-sena
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Qatt sibt ruħek f’ġelaterija artiġjanali u ma stajtx tiddeċiedi liema flavour se tagħżel? Waħda mid-diffikultajiet li nistgħu nsibu ruħna fiha hi meta jkollna quddiemna xelta vasta minn fejn nagħżlu. Kull togħma ta’ ġelat għandha l-ispeċjalità tagħha; sew jekk ċikkulata, sew jekk frawli, u sew jekk togħma ta’ xi frott ieħor, kollha għandhom it-tjubija tagħhom. Imma kultant trid tkun naqra avventuruż u tipprova ġelati b’togħma li ma tantx tkun familjari magħhom. Kemm-il darba nsibu ruħna quddiem għażliet aktar serji x’nagħmlu f’ħajjitna! Mhux dejjem tkun faċli tasal għal deċiżjoni malajr, l-aktar meta tkun għażla bejn żewġ affarijiet tajbin jew aktar. Forsi quddiem għażla ta’ ġelat mhijiex xi problema kbira, imma quddiem għażliet li se jaffettwaw ħajjitna rridu noqogħdu ferm attenti, jekk tassew irridu nagħmlu għażla għaqlija. F’dan il-każ tidħol, bla ma nindunaw, dik li nsejħulha l-ġerarkija tal-imħabbiet. X’inħobb l-aktar? X’nippreferi? X’nagħżel: il-familja, ix-xogħol, il-kumdità personali tiegħi, jew pjanijiet u proġetti li nkun ilni noħlom bihom? Dawn kollha huma tajbin, imma kultant irridu nagħżlu bejniethom.
Illum il-Mulej qed jgħid lid-dixxipli tiegħu, u lilna wkoll, li qabel dan kollu rridu nikkunsidraw l-ewwel imħabba tagħna: l-imħabba lejn Alla l-Imbierek. Jekk xi waħda minn dawn, importanti kemm hi mportanti għalina, tieħu l-post ta’ Alla, inkunu tlifna l-kumpass spiritwali tagħna u kollox jibda jmur ħażin. Id-dixxiplu veru huwa dak li jqiegħed lil Kristu fl-ewwel post u, għalhekk, fiċ-ċentru ta’ kollox, biex kollox jieħu t-tifsira tiegħu f’Alla. Fil-Vanġelu tal-lum, Ġesù jgħid kliem li, ma’ l-ewwel daqqa t’għajn, jidher iebes ħafna: "Min iħobb lil missieru jew lil ommu aktar minni... min iħobb lil ibnu jew lil bintu aktar minni... ma jistħoqqlux ikun tiegħi." Dan mhux kliem li joħodha kontra l-familja. Ma ninsewx li Alla nnifsu qaddes il-ħajja tal-familja u ordnalna nonoraw lill-ġenituri tagħna, kif ukoll nieħdu ħsieb liċ-ċkejknin. Aktar minn kollox, Ġesù qed ifakkarna fl-ordni tal-imħabba: Alla għandu jkun l-ewwel imħabba f’ħajjitna, għaliex Hu s-sors ta’ kollox.
Ġesù jkompli d-diskors tal-lum bi sfida personali. Jgħid: "Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux ikun tiegħi." Dan hu kliem li jmur totalment kontra dak li tippromwovi d-dinja li tinkoraġġixxi l-kult tal-ġisem u l-interessi personali ta’ dak li jkun. Imma ma ninsewx li kull imħabba vera hija mħabba li ma tibżax mis-sagrifiċċju u mit-tbatija. Omm tagħmel iljieli sħaħ imqajma biex tagħti l-attenzjoni tagħha kollha lil uliedha; missier jiċċaħħad mill-kumditajiet tiegħu biex ifittex il-ġid tal-familja. Min għandu n-negozju tiegħu ma jikkalkulax il-ħin li jqatta’ fuq il-post tax-xogħol. Min għandu xi delizzju ma jiddejjaqx jiċċaħħad minn ħafna affarijiet li jogħġbuh biex isostni dak id-delizzju. L-istess fil-każ tal-imħabba tagħna lejn Ġesù. Ġesù ma jwiegħedx ħajja mingħajr tbatija. Ħafna drabi s-salib huwa l-post fejn niltaqgħu mal-Mulej b’mod aktar profond. Nafu kif Hu stess għażel is-salib biex jurina sa fejn kapaċi tasal imħabbtu għalina. Aħna nistgħu nwieġbu għal din l-imħabba bl-istess mod, billi nimxu t-triq li mexa Hu. L-imħabba vera ma titkejjilx bil-kliem sabiħ biss, bir-rigali jew bil-pjaċiri li nieħdu flimkien, imma bis-sagrifiċċju li wieħed ikun lest jagħmel. L-imħabba hija, qabel kollox, għażla: l-għażla li nagħtu lilna nfusna għall-ġid ta’ l-oħrajn. Is-sagrifiċċju, fis-sens Nisrani, mhuwiex telfa imma għotja. Għotja li twasslek għal rebħa; rebħa ta’ ħajja aktar mimlija bl-imħabba, ħajja li ma tintemm qatt: "Min jitlef ħajtu minħabba fija jsibha." Fl-ewwel qari għandna eżempju sabiħ ta’ mara minn Sunem, li flimkien ma’ żewġha laqgħet lill-profeta Eliżew f’darha. Minħabba l-ġenerożità tagħhom, Alla berikhom b’mod li żgur ma kienux qed jistennew: kisbu wild, u b’hekk il-familja tagħhom ma ntemmitx magħhom. Hekk jiġri wkoll minna kull meta nkunu lesti noffru lilna nfusna u niftħu darna – jiġifieri qalbna – għal Alla u għall-oħrajn. Alla dejjem jagħti aktar milli nistgħu nimmaġinaw. San Ġorġ Preca spiss kien jgħid li għandna Mgħallem galantom, għax iħallas bil-mija fil-wieħed. Anqas min jagħti tazza ilma frisk ma jibqa’ bla ħlas mingħand Alla, aħseb u ara meta nagħtu lilna nfusna fl-imħabba. Meta ningħataw b’sagrifiċċju ma niftaqqrux, imma qalbna ssir aktar sinjura; ma mmutux, imma nħossu aktar il-ħajja fil-milja tagħha.
Nitlobu lil Mulej biex jagħtina qalb bħal Tiegħu: qalb li taf tħobb mingħajr kundizzjonijiet, li taf tagħti bla ma tikkalkula l-prezz, u li ssib il-ferħ tagħha fis-servizz ta’ l-oħrajn. Nitolbuh jagħtina l-kuraġġ biex inġorru s-salib tagħna b’fidi, u l-ġenerożità biex naqduh fl-iżgħar fost ħutna.
