Riflessjoni għat-18 -il Ħadd ta’ matul is-sena

Riflessjoni għat-18 -il Ħadd ta' matul is-sena

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

 

Ħafna ġenituri meta jaraw, li uliedhom qed jikbru u beda jkollhom ftit sens, jixtrulhom karus u jgħinuhom iġemmgħu xi ħaġa tal-flus biex jitgħallmu jġemmgħu u jħaddmu l-ġid tagħhom sew. Naħseb li din hi xi ħaġa mportanti li ssir fil-formazzjoni tat-tfal; jekk ma ssirx, faċli ħafna li t-tfal ma jaslu qatt japprezzaw u jivvalutaw dak li jirċievu mingħand il-ġenituri tagħhom, bil-konsegwenza li jaħlu u jberbqu dak kollu li jkollhom. Imma anke hawn irridu noqgħodu attenti!  It-tfal jistgħu, iva jitgħallmu jġemmgħu, imma x’ħin jaslu biex jieħdu xi ħaġa mill-karus isibuha diffiċli – qatt ma jkunu jridu jonfqu xejn!  Mill-banda l-oħra jista’ jkollok tfal li kull ma jkollhom jonfquh anke fix-xejn – jaħsbu li għax bil-flus tagħhom jistgħu jagħmlu li jridu bihom – u dan isir tberbieq. Kemm huma għaqlin dawk il-ġenituri li jippruvaw jgħallmu lil uliedhom japprezzaw u jibżgħu għal dak li għandhom, imma fl-istess waqt jgħallmuhom jużaw ġidhom tajjeb bla ma jintrabtu wisq miegħu!

Ngħiduha kif inhi hawn min qatt ma tgħallem juża sew dak li jiġi afdat f’idejh, inkluż flusu stess. Hawn min jikber u jibqa’ jberbaq u jixtri kull ma jara anke jekk m’għandux bżonnu – ħa jarmi! Imbagħad hawn min hu xħiħ u dejjem moħħu biex iġemma – jimxi mal-filosofija ta’: “erfa’ u sor għal meta tiġi bżonn.” Imma ħafna drabi dawn in-nies, anke meta jiġi l-bżonn ma jkunu jridu jnaqqsu xejn minn tagħhom u jgħixu bl-akkarija. Dawn huma nies li dejjem jaħżnu, tant li jispiċċaw li ma jkollhomx fejn jerfgħu aktar; jiġrilhom bħal dak ir-raġel tal-parabbola tal-lum. Iwaqqgħu l-imħażen tagħhom biex jibnu oħrajn akbar ħa jkollhom fejn iqegħdu aktar. Imma x’jiġri bil-ġid tagħhom? Ħafna drabi jew jiskadi jew jispiċċa għand ħaddieħor, kif smajna fl-Evanġelju tal-lum. Iż-żewġ estremitajiet huma ħżiena, sew minn hu ħali u sew minn hu xħiħ għandu problema.

Fl-ewwel qari tal-lum għandna lil Salamun, sultan li kellu ġid kemm irid, kien għaref u għalhekk famuż ma’ ħafna, kellu kull ma jrid, madankollu fi xjuħitu nduna li kollox jgħaddi u esprima dan bil-kliem: “frugħa tal-frugħat u kollox hu frugħa.”  Kollox jgħaddi u għalhekk imporanti li ma tintrabat ma’ xejn u ma’ ħadd. Tassew hu miskin minn jintrabat ma’ dak li jgħaddi.  Fit-tieni qari San Pawl jgħid l-istess ħaġa fi kliem ieħor: “aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema u mhux f’dawk tal-art,” hu jsejjeħ ir-rebgħa “idolatrija.” Għax meta nafdaw wisq fil-flus u fil-ġid li jkollna, nkunu qed nagħtuhom l-post ta’ Alla. Vera li bil-flus tista’ tagħmel triq fil-baħar, imma l-flus jibqgħu biss mezzi biex ngħixu ħajja deċenti u qatt m’għandna nsiru skjavi jew qaddejja tagħhom. Darba Ġesù qalilna li “ma nistgħux naqdu żewġ sidien, ma nistgħux naqdu lil Alla u lill-flus.” Hemm bżonn nagħżlu minn se jkun is-sid tagħna u min se jkun il-qaddej. L-għerf veru hu li nagħżlu lil Alla bħala sid, waqt li ninqdew bil-ġid tal-art biex nilħqu l-għan li nservu u naqdu lil Alla.

Ir-regħba għall-ġid materjali twassalna biex inkunu xħaħ spiritwalment. Dan jidher meta, fil-ħwejjeġ ta’ Alla, nipprovaw ngħaddu bl-inqas, inkejlu u nkaxkru saqajna.  Biex tgħamel ġurnata xogħol oħra l-Ħadd, ma jibqgħalekx ħin għall-quddies! Biex tlaħħaq ma’ kollox, it-talb jisparixxi u ma jibqgħalniex ħin għall-Mulej! Biex tgħoqod fil-kwiet u tistrieħ tgħalaq il-bieb, ħalli ebda bniedem fil-bżonn ma jersaq jitolbok xi ħaġa!

Niftakru li jħalli aktar profitt jekk nistgħanew quddiem Alla milli meta niġbru l-ġid għalina nfusna.  Ejjew nużaw ir-riżorsi tagħna biex nistgħanew quddiem Alla; nużaw il-ħin tagħna, saħħitna, il-kwalitajiet tagħna, kif ukoll il-flus u l-ġid materjali biex nikbru dejjem aktar fl-imħabba. Fl-Evanġelju Ġesù jfakkarna li għad jasal jum il-ġudizzju, u tassew, ħadd ma jaf meta – jista’ jkun il-lejla. U fil-ġiduzzju niġu mitluba kont tal-frott li nkunu għamilna matul ħajjitna. Jekk il-profitti nħalluhom fuq din l-art, sa nidħlu quddiem il-Mulej b’idejna vojta, imma jekk il-profitti tagħna jkunu għemejjel ta’ mħabba se neħduhom magħna fil-ħajja ta’ dejjem u ħenjin aħna. Ejjew illum neżaminaw ftit ruħna u naraw wara min mexjin, lil min qed naqdu u fejn hi tassew qalbna.