Riflessjoni għat-22 Ħadd ta' matul is-sena
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana
Kultant tiġi bżonn lastiku biex iżżomm pakkett karti jew oġġetti oħra flimkien. Imma jekk iġġebbed il-lastiku aktar milli tiflaħ, dan jinqata’. Hekk jiġri minn min ikun wisq esiġenti minnu nnifsu jew minn ħaddieħor. Imma mhux kull min jitlob ħafna minna qed jagħmlilna l-ħajja diffiċli! Hemm differenza bejn min jitlob ħafna biex jipprova jikkontrollalna ħajjitna jew jużana, u min jitlob ħafna għax jemmen fil-potenzjal tagħna. Pereżempju, ġenitur tajjeb jaf ikun esiġenti ma’ uliedu għax jaf li kapaċi jaslu, b’hekk ma jħallihomx jaħlu ħin imma jirsisti warajhom ħa jistudjaw u jużaw il-ħin tajjeb, jitlob minnhom dixxiplina u jibqa’ jara li qed jimxu ’l quddiem f’ħajjithom. Dik il-le ta’ llum spiss issir barka ta’ għada. Anke kowċ ta’ xi dixxiplina sportiva jitlob taħriġ iebes mill-atleta li jkun qed jiggwida; jaf li l-atleta jkun għejja, imma mingħajr dak il-ftit sforz żejjed qatt ma se javvanza ’l quddiem. Eżempju ieħor hu għalliem bravu li jkun esiġenti ma’ l-istudenti tiegħu u jagħtihom ammont ta’ homework, u wara jikkoreġilhom l-iżbalji tagħhom. Dan il-proċess mhux wieħed pjaċevoli, iżda b’hekk student jitgħallem u javvanza ’l quddiem. F’dawn il-każijiet l-esiġenza mhijiex kastig, imma investiment fil-persuna. Ħafna drabi min ikun esiġenti jrid l-affarijiet sew u jixtieq jgħolli l-kwalità, ikun effiċjenti u organizzat f’dak li jagħmel, hu ambizzjuż u jagħmel minn kollox biex jilħaq l-għanijiet tiegħu. Jistenna l-aħjar minnu nnifsu u mill-oħrajn għax jemmen li l-medjokrità teqred kull sens ta’ inizjattiva u ġġib telqa fil-ħajja ta’ dak li jkun. Imma mill-banda l-oħra, jekk tkun esiġenti ħafna joħloq stress żejjed u tista’ tikrolla, l-aktar meta jkun hemm diżappunti minħabba li l-affarijiet ma jmorrux kif mixtieq. Esiġenza żejda tpoġġi pressjoni qawwija u faċli ssir persuna diffiċli u tista’ tikkawża kunflitti fir-relazzjonijiet.
Fil-Vanġelu tal-lum naraw lil Ġesù esiġenti ħafna fuqu nnifsu, tant li qal lid-dixxipli tiegħu li kien meħtieġ ibati u jmut biex itemm il-missjoni tiegħu. Uriehom li din kellha tkun it-triq biex jasal għall-qawmien mill-imwiet u miegħu iqajjem lill-umanità għal ħajja ġdida. Fl-istess Vanġelu naraw lil Ġesù esiġenti wkoll mad-dixxipli tiegħu; jidher li qed jitlob ħafna minnhom. Dan jagħmlu mhux biex jilħaq l-ambizzjonijiet tiegħu, iżda għax jaf min huma u jaf x’jistgħu isiru. Ġesù ma jikkuntentax b’ħajja medjokri jew b’fidi superfiċjali. Meta jgħidilna: “Min irid jiġi warajja, jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu u jimxi warajja,” mhux qed jidealizza t-tbatija jew qed jgħid li s-sofferenza hi għan fiha nnifisha, imma għax jaf li kull imħabba vera titlob sagrifiċċju. Ġesù jitlob minna impenn u fedeltà anke jekk diffiċli. Kultant meta tkun għajjien ikollok aptit tabbanduna kollox u taħrab x’imkien għall-kwiet. Imma għax tħobb tibqa’ hemm taqdi u sservi bl-imħabba. Dan rajnieh jiġri fl-ewwel qari tal-lum mill-profeta Ġeremija. It-tgħajjir u t-tmaqdir ta’ kuljum wasslu lill-profeta biex jgħid: “Ma nsemmihx aktar, ma nitkellimx aktar f’ismu.” Ried jaħrab u jabbanduna l-missjoni tiegħu imma l-ħeġġa u l-imħabba li kellu għal Alla ma ħallewhx jagħmel dan, anzi f’qalbu kellu bħal nar jaqbad li ma ħallietux kwiet. Tassew Ġesù jesiġi minna li nirbħu l-biża’ u l-mistħija u nagħtu xhieda tal-verità, anke meta l-verità tniggeż. Iridna nġorru s-salib tagħna mingħajr ma naqtgħu qalbna. Dawn mhumiex affarijiet faċli. Imma huma t-triq għal-libertà vera. Jgħidilna wkoll: “Min jitlef ħajtu minħabba fija jsibha.” Dan hu l-paradoss tal-Evanġelju. Id-dinja tgħid: “Aħseb fik innifsek,” waqt li Ġesù jgħid: “Agħti lilek innifsek.” Id-dinja tgħid: “Fittex il-kumdità” waqt li Ġesù jgħid: “Fittex dak li hu tajjeb u veru, anke jekk hemm prezz xi tħallas.” Hu jħobbna wisq biex iħallina kif aħna; għalhekk jitlob ħafna minna biex joffrilna ħafna aktar: mhux ħajja aktar komda, imma ħajja mimlija sens, qdusija u ferħ. San Pawl fit-tieni qari jħeġġiġna nagħmlu l-għażla ta’ Alla waqt li jgħid: “Timxux max-xejra ta’ din id-dinja, iżda nbidlu skont it-tiġdid ta’ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla.” It-tibdil dejjem jitlob sforz, u dan l-isforz li jiffurmana f’dixxipli tal-Mulej.
Illum ejjew nieqfu ftit u naraw jekk nistgħux nagħmlu xi ħaġa aktar fl-impenn tagħna ta’ dixxipli tal-Mulej biex ma nkunux Insara medjokri. Forsi nista’ niddedika ftit aktar ħin fit-talb u inqas ħela ta’ ħin f’dak li jagħtini sodisfazzjon u pjaċir għal mument qasir. Jew forsi nista’ nidħol għal xi kors qasir biex insir naf aħjar x’nemmen u b’hekk napprofondixxi l-fidi tiegħi. Jew nersaq inkellem persuna li nħoss li qed inwarrabha għax weġġgħetni bi kliemha, u forsi sa issa għadni qatt ma kelli l-kuraġġ inkellimha. Jew forsi nista’ niddedika ftit ħin f’volontajat. Ejja nagħżel azzjoni waħda u nipprova nwettaqha din il-ġimgħa waqt li nitlob l-għajnuna tal-Mulej biex nasal li nieħu dan il-pass li jgħinni nkun dixxiplu tiegħu aktar impenjat.
