Riflessjoni għat-23 Ħadd ta' matul is-sena
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana
Kulħadd jieħu gost jaqla’ xi rigal, għax rigal hu sinjal ta’ rispett u mħabba. F’ċerti okkażżjonijiet nistennew u nippretendu li ċerti nies jiftakru fina u jagħtuna xi rigal sabiħ. Imma ġieli naqgħu f’nassa u nħarsu aktar lejn il-valur tar-rigal milli lejn il-qalb ta’ min tana r-rigal. Jista’ ukoll jiġrilna li nsiru nħobbu aktar ir-rigal milli l-persuna li tatulna. Per eżempju tifel, li tant jieħu gost bil-playstation li tawh il-ġenituri tiegħu fil-birthday, li spiċċa ′l ħin kollu jilgħab. Sar iħobbha aktar mill-istess ġenituri li tawielu. Ta’ xejn jgħidulu issa daqshekk logħob! Xorta jibqa’ jilgħab. Ma baqax jobdihom għax il-playstation saret kollox għalih – l-idolu tiegħu.
Alla fil-ħniena tiegħu żejjinna b’ħafna rigali sbieħ: familja, ħbieb, karriera, saħħitna u tant u tant ħwejjeġ oħra. Imma jista’ jiġrilna l-istess bħal dak it-tifel u nibdew inħobbu dawn ir-rigali minn l-istess Alla. Meta jiġri dan, kollox jitlef postu u jikrolla. Ġesù għalhekk iwissina biex inħallu l-ordni tal-imħabbiet tagħna f’posthom. Alla, li tana kollox, għandu dejjem jieħu l-ewwel post, inkella l-istess rigali jsiru l-idoli tagħna. Mill-imħabba tagħna lejn Alla toħroġ l-imħabba vera lejn il-familja, il-ġirien, il-ħbieb, il-kollegi kif ukoll lejna nfusna. Koppja nisranija għandha tibbaża ż-żwieġ tagħha fuq il-fidi mqaddsa: titlob flimkien, jieħdu deċiżjonijiet fid-dawl ta’ dak li jemmnu, u jkunu lesti li jħallu lil Alla fl-ewwel post anke jekk tiswielhom ħafna. Il-ġenituri jieħdu gost jaraw lil uliedhom kuntenti imma qatt m’għandhom jieħdu post Alla; m’għandhomx jibdlu l-quddies tal-Ħadd ma’ logħba futbol jew ma’ ħarġa fil-kampanja mal-familja. B’hekk ikunu qed jgħallmu ′l uliedhom biex qatt ma jpoġġu l-hobbies, ix-xogħol u l-ambizzjonijiet tagħhom qabel Alla. B’hekk Alla ma jsirx Alla tal-konvenjenza – għal meta niġu bżonnu biss. Kultant anke l-ħbiberiji tagħna jafu jwassluna għall-kompromessi. Ġieli nsibu ruħna fi ċrieki ta’ nies li jżommuna fi skiet totali fir-rigward tal-fidi. Meta jkollna l-imħabbiet tagħna f’posthom, dan ma nħalluhx jiġri f’ħajjitna u aktar infittxu li nkunu fidili milli li nintogħġbu minn ħaddieħor. Immaġinaw adoloxxent fi skola li jkun lest jiddefendi lil sieħbu bullied, anke jekk jaf li hu jista’ jispiċċa fil-mira tal-bullying. Dan hu possibbli biss jekk l-imħabbiet tiegħu jkunu fl-ordni.
Id-diżordni fl-imħabbiet hi marda ta’ żmienna. Illum ħafna nies jiddealiżżaw relazzjonijiet romantiċi għas-sodisfazzjon personali tagħhom u mhux għax tassew iħobbu lill-persuna l-oħra. Ħafna jiddealiżżaw il-ġid materjali, l-istatus tagħhom u l-mod ta’ kif nidhru.
Propju biex ma nimirdux f’din il-marda, Ġesù qalilna: “Min jiġi għandi ma jistax ikun dixxiplu tiegħi jekk ma jobgħodx lil missieru u ’l ommu u lil martu u lil uliedu, ’il ħutu subien u bniet, u saħansitra lilu nnifsu. Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi.” B’dan il-kliem mhux jgħidilna biex ngħamlu l-ħsara lill-familji tagħna jew lilna nfusna, għax fil-lingwaġġ ta’ żmien Ġesù, il-kelma tobgħod kienet tfisser ħobb inqas. Fi kliem ieħor Ġesù qed jgħid: “Min irid jiġi warajja, għandu jpoġġi lili qabel kull relazzjoni oħra.” Mhux nabbandunaw relazzjonijiet u mħabbiet oħra imma li nkunu kapaċi nagħmlu prijoritajiet f’imħabbitna. Kultant naħsbu li l-imħabba hi xi tħoss, imma l-imħabba vera hi sagrifiċċju u prijorità. Ġesù mhux kompetitur imma hu l-għajn ta’ kull imħabba. Meta jitlobna nħobbuh aktar minn kollox, mhux għax irid jikkompeti u jiġi l-ewwel, imma qed jgħid: “Jekk tpoġġu lili fl-ewwel post, jien ngħallimkom kif tħobbu l-familja tagħkom aħjar, l-ħbiebkom u dak kollu li għandkom, b’mod aktar profond u b’imħabba vera safja. Hekk imħabbitna tkun waħda libera u ħielsa minn kull egoiżmu. Ejjew għalhekk inħobbuh fuq kollox u nkomplu nikbru fl-imħabba vera.
