Riflessjoni għat-23 Ħadd ta' matul is-sena

Riflessjoni għat-23 Ħadd ta' matul is-sena

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana

Xena li baqgħet dejjem quddiem għajnejja minn tfuliti, hi meta darba daħal tifel fil-klassi tagħna minn klassi oħra, b’karta mwaħla ma’ daru bil-kliem: “jiena ħmar.” Niftakar dak inhar inħsadt u bżajt li xi darba jista’ jkun li jien ukoll ikolli ndur klassi wara l-oħra, nuri lil kulħadd li jien għamilt il-homework ħażin. Tidher krudila, imma dak iż-żmien kien wieħed mill-modi li kienu jintużaw biex jikkoreġu lill-istudenti. Meta xi ħadd jiżbalja kienu jesponuh quddiem kulħadd u jumiljawh, xi ħaġa li llum anqas biss toħlomha fil-qasam edukattiv! Mhux ċert jekk illum l-għalliema għadhomx jużaw biro ħamra biex jikkoreġu x-xogħol tal-istudenti, ħalli ma jaqtgħulhomx qalbhom.  Fil-passat, il-korrezzjoni kienet ssir b’ċerta agressività, anke fis-soċjetà nġenerali.  Għandna diversi rikordji ta’ tortura li kienet tintuża ma’ priġunieri u nies li jiżbaljaw. Kultant taqra jew tara f’xi mużewijiet xeni ta’ tortura inumana għall-aħħar, li kienet tintuża biex jikkontrollaw lil min jipprova jikser xi liġi jew joħroġ barra min-norma soċjali. Għall-grazzja ta’ Alla dawn l-użanzi waqfu. Ma jfissirx li m’għadx baqa’ l-bżonn li ssir korrezzjoni. Il-korrezzjoni hi meħtieġa fil-kuntest tat-tagħlim; inkella kif se jitgħallmu l-isudenti? Kif persuna li tikser il-liġijiet tasal li tinduna li għemilha hu ta’ dannu għaliha u għall-oħrajn? Kif tista’ titgħallem tgħix f’soċjetà bħan-nies? Imma altru l-korrezzjoni li ssir biex tgħallem u teduka, u altru korrezzjoni li tintuża biex wieħed juża l-poter fuq l-oħrajn.

Il-qari kollu tal-lum qed jurina l-bżonn tal-korrezzjoni. Anżi qed ipoġġi responsabbiltà fuq kull wieħed u waħda minnha, u jgħidilna biex nieħdu ħsieb xulxin fl-imħabba u meta jkun hemm bżonn nikkoreġu bi mħabba fraterna (tal-aħwa). Fl-ewwel qari insibu lill-Mulej jgħid lill-profeta: “qegħdtek għassies fuq Iżrael,” bid-dmir li meta xi ħadd joħroġ barra mit-triq, jgħinu jerġa’ jsibha ħalli ma jintilifx u jmut. Fit-tieni qari San Pawl jirreferi għal-liġi qaddisa u l-bżonn li wieħed iħarisha fl-imħabba u fl-Evanġelu, Ġesù jurina kif għandna naslu għall-korrezzjoni vera li tgħin u mhux ittellef lil dak li jkun.

Il-korrezzjoni m’għandiex issir għal kull ħaġa ta’ xejn. Ma hemmx għalfejn nikkoreġi lil ħaddieħor għas-sempliċi raġuni li ħaddieħor jaħsibha differenti minni. L-anqas m’għadni nikkoreġi għax xi ħadd ma jissodisfax il-gosti tiegħi, jew għax għandhom użanzi differenti minn tiegħi. Ma nikkoreġix għax niffastidja ruħi, imma iva, għandi nikkoreġi jekk ħija jew oħti, qed jipperikolaw is-salvazzjoni tagħhom infushom; fi kliem ieħor nikkoreġu meta xi ħadd jaqgħa f’xi dnub. Hekk kif nara nisrani ieħor jippersisti f’imġieba li tmur kontra l-fidi li nistqarru, għadni nkellmu b’imħabba. Inkun qed nonqos jekk nagħlaq għajnejja, daqs li kieku ma qed jiġri xejn.  Importanti li nkellmu bi kliem mimli ħlewwa, biex dak li jkun jasal li jibdel id-direzzjoni li jkun qabad, jindem u jerġa lura lejn Alla.  Żgur li mhux mod ta’ korrezzjoni fraterna meta nippontaw subajna jew nakkużaw lil xi ħadd bl-iżbalji tiegħu. Ġesù jgħallimna kif għandna ssir il-korrezzjoni fraterna. L-ewwel, jgħidilna biex fis-skiet inkelmu lil min naqas u nipprovaw ngħinuh jagħraf il-gravità tad-dnub li jkun jinsab fih. Nipprovaw nagħtuh għajnuna prattika biex joħroġ minn dik is-sitwazzjoni. Żgur li ma tgħinx jekk naqbdu u nparlaw fuq xulxin fil-pubbliku. Żgur li ma twassalx lil dak li jkun jinduna li dineb jekk nipprovaw inħamrulu wiċċu quddiem l-oħrajn.  Żgur li mhix imħabba fraterna jekk inxandru d-dnub ta’ dak li jkun – bla dubju ta’ xejn dan il-mod ma jwassalx għall-konverżjoni.  Jibqa’ l-periklu li wieħed jiprofitta ruħu mill-iżball tal-ieħor biex jidher sabiħ hu, għalhekk hemm bżonn li meta nikkoreġu, nikkoreġu b’ħafna umiltà u mħabba. Dejjem infittxu l-progress spiritwali ta’ dak li jkun. Jekk imbagħad ikun hemm bżonn, ħa mmur quddiem l-oħrajn, biex ngħin lil dak li jkun jirrealiżża l-gravità tad-dnub li jkun fih. Jekk imbagħad dak li jkun jippersisti, Ġesù jgħidilna biex inżommuh ta’ pubblikan. Ma jfissirx li għandna niġġieldu miegħu, imma nibqgħu nitolbu għalih u nixtiequlu l-ġid. Ma ninsewx li Ġesù stess qalilna biex nitolbu għall-egħdewwa tagħna u nagħmlulhom il-ġid, mela kemm aktar għandna nitolbu għal ħutna li jkunu tbiegħdu għax għażlu li jibqgħu jgħixu fid-dnub.

Illum ejjew nitolbu għal ħutna l-insara li għażlu li jgħixu fid-dnub, waqt li nipprovaw naħsbu kif nistgħu ngħinuhom ħa jeħilsu mid-dnub u jsalvaw.