Riflessjoni għat-23 Ħadd tas-sena Liturġika

Riflessjoni għat-23 Ħadd tas-sena Liturġika

 

Fejn huma n-nies? Fejn huma dawk il-follol li konna naraw f’diversi postijiet, bħas-suq, fil-festi, l-festivals u attivitajiet oħra li kienu jiġu organizzati? Fejn huma t-tfal, l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ tagħna? Fejn huma l-anzjani? Għax kultant anqas fit-toroq ma għadek tara ħafna nies, tfal, adoloxxenti, żgħażagħ u anzjani. Ma tridx wisq biex tinduna li ħafna nies spiċċaw ġewwa, jiltaqgħu l-aktar fuq il-midja soċjali: it-tfal saru jilgħabu fuq l-internet, l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ issibhom l-aktar fuq it-Tik-tok, jew instagram u l-kbar fuq il-facebook. Il-ġenerazzjoni li tiela kapaċi tifhem il-lingwa tal-midja soċjali ħafna aktar mill-adulti u l-anzjani imma xorta waħda ssib ħafna follol ta’ kull età fuq il-midja soċjali.  B’konsegwenza ta’ dan qed nidraw ċertu stil ġdid ta’ ħajja: ħajja li hi aktar virtwali minn qatt qabel. Il-folla qed tkun folla immaġinattiva aktar milli waħda reali u fiżika, imma xorta tibqa’ folla.  Fl-Evanġelju tal-lum naraw kif il-folla kienet folla li kien jinteressaha mill-oħrajn, tant li kienet il-folla li ressqet lil wieħed trux u mutu quddiem Ġesù. Kienet folla li titkellem mhux biss bil-kliem imma aktar bil-għemil. X’qed tgħid il-folla ta’ żmienna? Hemm diversi li jużaw il-midja soċjali għall-ġid tal-oħrajn, imma hemm ukoll minn fost il-folla moderna li huma magħluqin fihom infushom u għalqu widnejhom għal dak li hu tant importanti fil-ħajja. Ħafna ttarxu għal dak li jista’ jimla l-ħajja tagħna l-bnedmin. Ħafna saru torox għall-kelma ta’ Alla, u allura għal Alla nnifsu. Ħafna spiċċaw immutaw għax ma jafux aktar jitkellmu dwar Alla.

Il-miraklu li għamel Ġesù fl-Evanġelju tal-lum irridu narawh fid-dawl tan-nuqqas ta’ smiegħ u n-nuqqas ta’ kapaċità li nitkellmu l-lingwaġġ spiritwali. Jista’ jkun li xi wħud minnha wkoll jinsabu torox għall-Kelma ta’ Alla għax qed jagħtu aktar każ x’tgħid il-folla tan-nies fi żmienna milli x’jgħid Alla. Xi wħud ukoll immutaw għax m′għandhomx il-kapaċità li jitkellmu l-Kelma ta’ Alla kif inhi.  Għalhekk għandna bżonn lil Ġesù biex ifejjaq il-widnejn tagħna ħa nisimgħuh jitkellem u jiftħilna fommna biex ma nibżgħux nitkellmu l-Kelma tiegħu.

Il-fejqan li nsibu fl-Evanġelju tal-lum, seħħ f’art pagana, fid-dekapoli (għaxart ibliet pagani), dan ifakkarna li Ġesù jaħdem ukoll fost dawk li huma bla Alla; f’dinja sekulariżżata fejn Alla ftit għandu spazju. Ta’ min jonnota wkoll il-mod ta’ kif Ġesù fejjaq lil dak ir-raġel li ġabulu quddiemu. Ġesù ħa lir-raġel ′l barra mill-folla, għax għaraf li l-istess folla li resqitu quddiemu kienet il-folla li qed tfixklu wkoll;  l-istorbju tal-folla kien qed itarrxu! Imbagħad daħħal subajh f’widnejh; kienu l-istess swaba tal-id li għamlet lid-dinja kollha. Issa dawn is-swaba setgħu jagħtu ħajja ġdida lir-raġel trux u mutu. Ir-raġel issa seta’ jisma’ u jifhem kliem il-għerf li jagħti l-ħajja u seta’ jibda jitkellem kliem Ġesù nnifsu. Wara l-fejqan, ir-raġel seta’ jirritorna lejn il-folla bħala bniedem ġdid li kapaċi jisma’ u jitkellem il-lingwa ta’ Alla, u kien hu stess li għin lill-folla tagħraf il-għerf tal-ħajja.

Ġesù jrid ifejjaq lilna wkoll billi kultant joħroġna ftit ′l barra mill-folla, u jmissna bil-qawwa tiegħu. Kemm tkun ta’ ġid għalina meta nieqfu ftit fis-skiet, nibqgħu ftit ′l bogħod mill-folla tal-midja soċjali u nħallu l-Iskrittura Mqaddsa tkellimna. Il-meditazzjoni tal-Kelma ta’ Alla tagħti l-istess qawwa li binha Ġesù mess lir-raġel trux u mutu. Tmiss il-qalb tagħna u tagħtina ħajja ġdida; ħajja li għandha qawwa li tibdel mhux biss lilna imma wkoll lill-folla ta’ żmienna.

Nixtieq li bħala eżempju llum nieħdu lil Santa Tereża ta’ Kalkutta, li llum qed niċċelebraw il-festa tagħha; illum jaħbat il-ħames anniversarju minn meta saret qaddisa u l-erbgħa u għoxrin anniversarju mill-mewt tagħha. Hi kienet kapaċi tinqatgħa mill-folla biex tisma’ l-Kelma ta’ Alla. Imma ma baqgħetx ′il bogħod mill-folla! Hi rritornat lejn il-folla u tkellmet il-Kelma ta’ Alla b′għemilha; b’dan il-mod bidlet lill-istess folla. Ejjew nieħdu l-eżempju tagħha u nħallu lil Alla jfejjaqna fis-skiet, waqt li nħalluh imissna u jagħtina qawwa ġdida.