Riflessjoni għat-28 Ħadd ta' matul is-sena
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
“Ejjew għall-festa” – dan kmand jew stedina? Hemm differenza kbira bejn waħda u oħra. Meta xi ħadd jikmandak, jgħidlek x’għandek tagħmel, bla ma jħallilek għażla ta’ xejn. Waqt li meta xi ħadd jistiednek, qed jgħidlek: “Nixtieq li tkun miegħi. Il-preżenza tiegħek tagħmel differenza.” Imbagħad iħallik liberu taċċettax jew le. Il-ħajja tagħna mimlija stedin: xi wħud naċċettawhom bil-ferħ u nħossuna xxurtjati li nkunu ġejna mistiedna; oħrajn nirrifjutawhom bil-kortesija kollha wara li nippruvaw insibu raġunijiet tajba bħala skużati validi; imbagħad hemm stedin ieħor li sempliċiment inħalluhom għaddejjin. Fil-parabbola li għandna quddiemna llum għandna stedina aktar milli kmand. Tassew li Alla tana l-kmandamenti, imma qabel ma jgħidilna “agħmel hekk,” jgħidilna “ejja.” L-ewwel iridni nagħżel li nersaq lejh u mbagħad jgħidli x’għandi nagħmel. Ġesù jqabbel lil Alla ma’ sultan li jagħmel festa kbira għat-tieġ għal ibnu. Kollox lest. Kollox imħejji. Baqa’ biss il-wasla tal-mistednin; is-sultan bagħat lill-qaddejja għand il-mistedin biex jgħidulhom: “Ejjew għall-festa.” Stedina li ma ġietx milqgħuha mill-istess mistednin. Xi wħud sempliċiment injoraw l-istedina. Oħrajn għażlu li jkomplu bil-ħajja tagħhom u xi wħud trattaw ħażin lill-qaddejja. Dan ma qatax qalb is-sultan; iddeċieda li jiftaħ il-bibien għal mistedin ġodda.
Ejjew nieqfu ftit fuq din l-istedina tal-Mulej. Meta wieħed jirċievi stedina biex jieħu sehem fl-ikla tal-Mulej irid jagħmel għażla. Jista’ jgħid: “Iva, immur.” Jista’ jgħid: “Le, ma tinteressanix.” Jew jista’ sempliċiment ma jagħtix kas. Kultant din hija l-problema tagħna ma’ Alla. Ma ngħidux “le” direttament imma nipposponu għal darb’oħra għax bħalissa għandi ħafna x’nagħmel, m’għandix ħin, m’għandix moħħ ta’ dawn l-affarijiet. Meta nkun aħjar naraw. U hekk, mingħajr ma nindunaw, inkunu ninjoraw il-grazzja tal-istedina. Il-biċċa hi li l-ħajja hija magħmula mill-illum. Alla qiegħed jistedinni llum, mhux meta nkun aktar liberu, jew meta nsir aħjar milli jien illum. Il-festa li Alla qed jistedinna għaliha mhix festa li sseħħ wara din il-ħajja, imma hi festa li diġa’ bdiet; tibda minn hawn – kollox imħejji. Kull darba li nersqu lejn Alla, hemm festa. Kull darba li naħfru lil xi ħadd, hemm festa. Kull darba li xi ħadd imbiegħed jerġa’ lura, hemm festa. Kull darba li qalb magħluqa terġa’ tinfetaħ, hemm festa. Kull darba li persuna tgħid: “Mulej, għandi bżonnok,” tkun qed tinbeda festa. Il-Kristjaneżmu qabel xejn hu stedina għall-ħajja. Alla nnifsu jgħidilna: “Ejja duq l-ħajja li jien ħejjejt għalik.” Ħafna drabi Alla jwassal dan il-messaġġ permezz tal-qaddejja tiegħu – permezz ta’ nies bħalna li f’isem Alla jwasslulna l-invit għall-ħajja. Din l-istedina qed tingħata lilna gratis (b’xejn). Alla ma qed jistenna l-ebda rigal mingħandna jekk inwieġbu għal din l-istedina. Imma b’daqshekk ma jfissirx li hi stedina irrelevanti, anzi hi stedina t’mportanza enormi. Għalhekk irrid nidher quddiemu b’ilbies xieraq. Ma nistax ngħid: “Jiena rrid lil Alla,” u mbagħad ngħix bħallikieku Alla ma jeżistix. Il-libsa tat-tieġ hi l-mod ta’ kif jien ngħix ħajti. Meta Alla jistedinni jistenna li nibda ngħix b’mod ġdid u mhux sempliċiment noqgħod bilqiegħda fuq siġġu għall-festa. Din hija l-libsa li Alla jrid jarani liebes: qalb li tixbah lil tiegħu.
Hekk għandna nersqu għall-Ewkaristija Mqaddsa. L-Ewkaristija hi ċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja li nkunu qed ngħixu. L-insara li jkunu liebsa l-libsa tal-magħmudija, għax qed jgħixu l-ħajja ġdida, jinġabru flimkien mal-mejda tal-kelma u tal-Ewkaristija. In-nisrani li jilqa’ l-istedina biex jgħix il-ħajja ta’ Alla, għandu jinġabar mal-mejda. Hu kmand, mhux għax m’hemmx libertà, imma għax hu riżultat tal-aċċettazzjoni tal-istedina. Jista’ jkun li min ma jħossx il-bżonn li jinġabar għall-festa tal-Ewkaristija għadu anqas laqa’ l-istedina vera. Hemm ħaġa oħra importanti li rridu nikkunsidraw. Meta wieħed jirċievi stedina għall-festa kbira, normalment ma jmurx waħdu, imma jieħu guest miegħu, biex jaqsam ma’ ħaddieħor dak il-mument sabiħ. L-istess aħna; jekk tassew esperjenzajna l-imħabba ta’ Alla, ma nistgħux inżommuha għalina. Il-qaddejja tal-parabbola marru fit-toroq jistiednu lill-oħrajn. Aħna wkoll għandna nkunu nies li nistiednu u mhux nies li nagħlqu l-bibien. Inkunu nies li niffaċilitaw il-fejqan u l-konverżjoni tal-midneb u mhux niġġudikaw u ngħidu min jixraqlu jitqaben. Alla hu li qed jistieden u Alla jixtieq li d-dar tkun mimlija bin-nies; forsi wieħed mill-isbaħ modi kif inkunu dixxipli u qaddejja ta’ Alla llum huwa li ngħidu lil xi ħadd: “Ejja miegħi, ejja miegħi għall-Quddiesa, ejja nitolbu flimkien, ejja nitkellmu ftit, ejja nagħmlu paċi, ejja nibdew mill-ġdid.” Xi kultant persuna terġa’ lura għax xi ħadd ħares lejha b’imħabba u qalilha: “Għad hemm post għalik.”
