Riflessjoni għat-3 Ħadd ta' matul is-sena

Riflessjoni għat-3 Ħadd ta' matul is-sena

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Jekk ikollok x’tinvesti, fejn tħossok l-aktar komdu tinvesti? Hawn min ifittex li jinvesti fil-propjetà. Hawn min jinvesti f’xi biċċa deheb, għax id-deheb jibqa’ jżomm il-valur. U llum hawn ukoll min jinvesti fil-panelli voltajċi jew f’oqsma marbuta mal-komunikazzjoni. Hu x’inhu, kull min jinvesti jagħmel minn kollox biex jassigura ruħu li qed jinvesti fis-sod, jiġifieri joqgħod attent li mhux biss ma jitlifx dak li qed jinvesti imma wkoll li jagħtih lura profitti tajbin. Dan ma jgħoddx biss għall-flus imma wkoll għall-ħin, għas-saħħa u għal riżorsi oħra li għandna. Nixtiequ li x-xogħol tagħna jkun produttiv u jħalli riżultati posittivi. Bidwi jistinka u jaħdem art li konvint li għandha potenzjal li tagħmel il-frott – jinvesti ħinu, saħħtu u flusu bit-tama li jiġbor frott aktar minn b’kemm ikun investa. Sajjied jibqa’ mqajjem bil-lejl u joħroġ jistad fil-kesħa u l-bard għax ikun konvint li għandu ċans jidħol b’xi sajda tajba. Student jistinka u jirsisti għax ikun qed iħares lejn karriera li tagħtih għajxien xieraq. U min jagħżel li jidħol fil-volontarjat, ukoll ifittex li jirċievi lura ferħ u paċi f’qalbu, peress li jkun konvint li dak li qed jagħmel qed jagħmlu għal kawża ġusta. Dan li jfisser li tinvesti fis-sod!  Ħadd ma joħlom li jinvesti f’xi ħaġa li tkun qed tfalli jew li m’għad baqgħalha ebda relevanza fis-soċjetà. Trid tkun altru miġnun biex tissogra tagħmel dan!

Imma donnu mhux hekk ġara fil-każ tal-erba’ sajjieda li Ġesù sejħilhom biex jinvestu fih. Kienu għadhom kif ħadu l-aħbar tal-arrest ta’ Ġwanni l-Battista. Huma mhux biss kienu jafu min kien Ġwanni, imma probabbilment huma stess kienu segwaċi tiegħu (fl-Evanġelju ta’ San Ġwann insibu li Indri kien dixxipli tal-Battista). Ġwanni predikatur magħruf li qed jiġbor ħafna nies mill-irħula u l-bliet madwaru; predikatur li kien qed iħeġġeġ lin-nies biex jindmu.  Imma issa spiċċa arrestat minn Erodi, għax ried jgħalaqlu ħalqu. Dawn l-irġiel kienu qed jaraw quddiem għajnejhom id-destin ta’ profeta, li ma hu xejn għajr falliment. Il-Battista kien ħalla kollox biex imur fid-deżert ixandar il-verità; u b’riżultat ta’ dan spiċċa mwarrab. Ma tantx kellu wisq profitti fl-investimenti tiegħu!

Issa dawn l-irġiel iltaqgħu ma’ Ġesù, predikatur ieħor li wkoll qed jipriedka u jgħid: “Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet.” Dan il-predikatur qed jitlobhom jinvestu ħinhom, l-enerġija tagħhom, kull m’għandhom, u ħajjithom stess fih. X’se jagħmlu? Kienu jafu li jekk imorru warajh, kellhom ċans li jgħaddu minn falliment kbir, għax anke dan seta’ jiġi arresat u mwarrab bħal Ġwanni. Imma minkejja kollox għażlu li jinvestu f’Ġesù.  Dawn l-irġiel ħallew kollox: ix-xbiek, id-dgħajsa, lil missierhom, lil darhom, u l-impjieġ tagħhom, biex imorru wara wieħed li jipriedka.  X’wassalhom għal dan? Żgur li kellhom fiduċja fih. Biex tinvesti jrid ikollok fiduċja. Fdaw lil Ġesù għax ħassew ġenwinità fih, ħassew il-qawwa tal-ispirtu, u l-imħabba li kellu għal Alla u għall-bniedem. Ġesù kkonvinċihom li hu tassew il-mibgħut, u li jekk jinvestu fih se jkollhom profitti ferm akbar – is-saltna tas-smewwiet.  Quddiem id-dinja dehru mġienen li jinvestu fi predikatur imma fir-realtà huma għamlu l-akbar investiment li setgħu jgħamlu minn ħajjithom.

Ġesù qed jgħamel l-istess stedina lilna llum; qed jistedinna ninvestu fih u nħallu x-xbiek tagħna minħabba fih.  Ix-xbiek huma dak kollu li jista’ jiġbed l-interess tagħna, dak kollu li aħna nagħtuh valur, u dak kollu li nfittxu li nagħmlu f’ħajjitna.  Għal ħafna minna l-kelma net (xibka) hi ħajjitna; illum nitkellmu minn internet, network, netflix eċċ; ma nimmaġinawx kif nistgħu ngħixu mingħajrhom; saru l-mezzi li jiġbru l-bnedmin kollha tad-dinja flimkien. U Ġesù għaddej illum ukoll u qed iħares lejna u jitlobna li nħallu n-nets tagħna biex ninvestu aktar ħin u enerġija fih. Forsi qed jitlobni nnaqqas xi ftit mill-użu tal-internet biex inkun aktar miegħu, jew qed jitlobni nwarrab xi ftit in-netflix biex nkun aktar ta’ għajnuna konkreta għall-oħrajn fil-familja tiegħi stess jew barra mill-familja. Imma jista’ jkun ikun hemm xbiek ieħor li hemm bżonn inħalli għal Ġesù? Forsi hemm xi vizzju li jien skjav tiegħu – xi xibka li ilni nsewwi u nipproteġi u mhux qed nirrealizza li qed tħallini mwaħħal max-xatt u għalhekk ma nistax nimxu 'l quddiem.

L-istedina għall-indiema hi stedina biex nimxi 'l quddiem fil-ħajja; biex inkompli l-vjaġġ tiegħi ma’ Ġesù. Investiment li jista’ jidher riskjuż wisq, għax jidher li jista’ jfalli imma fir-realtà hu l-uniku nvestiment li jibqa’ għal dejjem għax jagħtik is-Saltna tas-smewwiet. Ma nibżgħux ninvestu ħina, l-enerġija u ħajjitna stess għaliH.