Riflessjoni għat-3 Ħadd tal-Għid
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Fit-tielet dehra ta’ Ġesù lill-Appostli wara li qam mill-mewt, narawh bħala kok, li ħejja ikla għad-Dixxipli tiegħu. Kok tajjeb għandu diversi kwalitajiet. Hu ma jinteressahx biss mill-platt u minn dak li jiġri fuq ġewwa tal-kċina, imma wisq aktar minn dak li jiġri fuq barra, fejn ikun hemm il-klijenti tiegħu. L-ikel hu r-raġuni ewlenija biex tospita lill-klijenti. Inutli jkollok restaurant sabiħ jekk l-ikel ma jkunx ta’ klassi, għalhekk kok tajjeb jagħti kull attenzjoni possibbli biex jissodisfa lill-klijenti tiegħu. Għalkemm ma jidhirx wisq fix-xena, ħafna klijenti jiġu u jerġgħu jiġu minħabba fih. U Ġesù bħal kok tajjeb, jospita lid-dixxipli tiegħu u jagħtihom ikel bnin. Huma jiġu u jerġgħu jiġu madwar il-mejda tiegħu minħabba fih; Ġesù rxoxt jistieden kontinwament għall-ikla tiegħu lilna dixxipli tiegħu.
Ippermettuli llum nirrifletti ftit fuq xi kwalitajiet li nħoss li kok tajjeb għandu jkollu. Ir-responsabbiltà ta’ kok tmur 'l hemm minn sempliċement tisjir; ħafna drabi hu wkoll leader, artist u xjentist. Il-kok għandu bżonn ikollu ħiliet tekniċi fil-preparazzjoni, fit-tisjir u fil-mod ta’ kif jippreżenta l-ikel. Jagħti ħafna każ tat-togħmiet u jara li jkun hemm bilanċ fil-palat, juża bil-qies il-melħ u l-bżar, kif ukoll il-ħwawar biex il-platt ikollu togħma tajba li togħġob lil dak li jkun. Hu jipprova jkun oriġinali u joħroġ b’riċetti nnovattivi. Imma dan ma jfissirx li jrid jabbanduna riċetti tradizzjonali u dak li ħafna nies huma mdorrijin bihom. Jekk inħarsu lejn Ġesù bħala kok, naraw li hu ħejja ħobż u ħut, ikel li nsibuh ukoll qabel il-qawmien, imma fih hemm novità u oriġinalità. Kristu rxoxt ġedded kollox. Kull meta ninġabru għall-ikla tal-Mulej intogħmu b’mod ġdid dan l-ikel li jagħti l-ħajja. Forsi ngħidu: “dejjem l-istess,” imma le kull darba li nersqu lejn din il-mejda nsibu l-ġdid, insibu l-benna u l-freskezza tal-kelma, li hi ikel imħejji għalina mill-Mulej. Il-platt li jressaq quddiemna 'l Mulej hu ppreżentat b’kapaċità kbira – nistgħu ngħidu li hu tassew artistiku, għax jindirizza l-bżonnijiet tagħna llum.
Kwalità oħra li kok tajjeb għandu jkollu hu leadership u team management tajjeb. F’ħafna kċejjen il-kok ikun il-kap tat-tim, li jassigura li kollox ikun ikkordinat tajjeb. Kok tajjeb jimmoniterja u jgħallem lil dawk li jkollhom inqas esperjenza, jigwidhom fit-teknika u jinkoraġġihom biex jikbru u jimmaturaw f’dak li jkunu qed jagħmlu. Kok tajjeb ikollu wkoll sens qawwi ta’ time management: jaf jikkalkula l-ħin ta’ kemm hemm bżonn iħalli l-ikel fil-forn biex la jħallih nej u anqas ma jsajjru żżejjed. Kapaċi jsajjar ikel vajrat f’istess ħin u l-effiċjenza tiegħu tidher meta l-ikel kollu jsir fl-istess ħin. Jekk inħarsu lejn Ġesù bħala l-kok, narawh ukoll bħala leader, li jikkordina t-tim tiegħu. Jinvolvihom fil-missjoni miegħu. Illum talabhom ukoll ikunu parteċipanti miegħu meta qalilhom u talabhom: “Newlu ’l hawn xi ħutiet minn dawk li għadkom kemm qbadtu.” Ġesù sejjaħ u għadu jsejjaħ lil diversi biex jipparteċipaw fil-ministeri li ġġib magħha din il-mejda tal-Mulej. Hu jgħallimna, jiggwidana u jinkoraġġina biex nikbru u nimmaturaw bħala qaddejja ta’ din l-mejda – tal-Ewkaristija.
Imma fuq kollox kok irid ikollu passjoni lejn dak li jkun qed jagħmel: isajjar b’imħabba. Din għandha tkun l-akbar kwalità ta’ kok. Il-kok li jħobb xogħolu jġib miegħu aktar enerġija, krejattività u dedikazzjoni. L-imħabba tirbaħ fuq kull sfida u diffikultà li kok jista’ jiltaqa’ magħha. U żgur li dan jogħqod għall-kok Ġesù. Il-passjoni u l-imħabba lejn id-dixxipli u lejn il-bniedem, waslitu li jiddedika ħajtu stess fuq is-salib. L-imħabba hi l-ingridjent prinċipali li Ġesù poġġa fil-mejda tiegħu. Mhux ta’ b’xejn li Ġesù talab minn Pietru għal darba, tnejn, tlieta stqarrija pubblika ta’ imħabba. Minn din l-imħabba joħroġ kull ministeru. Meta Pietru ddikjara li jħobb lill-Mulej, hu taħ missjoni: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi,” “irgħa l-ħrief tiegħi.” Ġesù ried li d-dixxipli tiegħu jkomplu jaqdu fil-mejda – jitimgħu lill-merħla, imma dan riedhom jagħmluh b’passjoni – b’imħabba sinċiera. Ġesù mill-ġdid stieden lil Pietru u qallu “ejja warajja,” għax ra fih il-passjoni li kellu għall-poplu ta’ Alla. Ejjew illum napprezzaw u ngawdu mill-mejda tal-Mulej, waqt li nkomplu nagħrfu li aħna msejħa biex inkunu parteċipanti mill-mejda Tiegħu bħala dixxipli tal-Għid.