Riflessjoni għat-3 Ħadd tal-Għid
Mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana
Jekk xi ħadd jgħidlek “iblah” tieħu għalik u bir-raġun. Għax ħadd ma jieħu gost li jidher iblah quddiem in-nies, u wisq u wisq anqas li jkun tassew iblah. Illum smajna kelma iebsa minn Ġesù fil-konfront ta’ dawn iż-żewġ dixxipli tiegħu, meta qalilhom: “kemm intom boloh...” Quddiem din il-kelma nistgħu nitħawdu l-aktar meta niftakru li fl-Evanġelju ta’ San Mattew, Ġesù kien qal: “min jgħid lil ħuh ‘iblah’ ikun ħaqqu l-kundanna (5,22).” Tista’ tidher li hemm kontradizzjoni bejn dawn iż-żewġ ċirkustanzi. Imma fir-realtà hemm differenza kbira bejniethom. Fl-Evanġelju ta’ San Mattew, Ġesù qed jitkellem dwar kliem li joħroġ minn qalb mimlija rabja, disprezz u kundanna lejn ħaddieħor; kelma li hi intenzjonata biex tbaxxi, tkisser u taffeġ lil dak li jkun. Waqt li fis-silta tal-lum il-kelma ‘boloh’ hi ntenzjonata biex tgħin lid-dixxipli jirrealizzaw fejn qegħdin u tfejjaq in-nuqqas ta’ fidi tagħhom; hi kelma ta’ min iħobb. Donnu Ġesù ried jgħidilhom: għaliex intom għalaqtu qalbkom? Għaliex ma fhimtux dak li għidtilkom? Għaliex intom għaġġiltu u tlaqtu lil sħabkom? Għaliex qtajtu qalbkom u tliftu kull tama? Bla dubju l-kelma ‘boloh’ hawn mhijiex kundanna, imma sejħa biex jiftħu għajnejhom u jaraw il-verità.
X’jagħmel lil bniedem veru iblah? Għalkemm jistgħu jkunu ħafna r-raġunijiet tal-bluha, xorta nistgħu nidentifikaw xi ftit fatturi komuni li jwasslu għall-bluha. Fost l-oħrajn:
- L-iblah issibu jitħabat ħafna għalxejn. Ħafna drabi jkun bla direzzjoni u jispiċċa jdur mal-istess affarijiet. Isib ruħu f’ġirja sfrenata bla ma jasal imkien għax ma jkollu ebda pjan konkret ta’ fejn irid jasal. Kuntent li jkun imħabbat, għax fit-taħbit isib sens ta’ sodisfazzjon, imma jkun f’illużjoni; jaħseb li t-taħbit jagħmlu mportanti, u li jħoss li għandu l-kontroll ta’ kollox f’idejh. Minkejja li dejjem għaddej, ftit li xejn isib sens f’dak li jagħmel.
Jekk inħarsu lejn id-dixxipli ta’ Emmaus, nistgħu naraw fihom din it-tip ta’ bluha. Kienu qed iduru lura lejn triq li kienu diġà mxew qabel. Sabu ruħhom bla direzzjoni; għalkemm kienu sejrin lejn Emmaus, xorta ma kinux jafu x’se jagħmlu b’ħajjithom. Mexjin imma bla skop. Huma ma kellhomx paċenzja jibqgħu ftit ieħor f’Ġerusalemm jistennew ma’ sħabhom, sakemm iseħħ dak li Ġesù kien wegħedhom.
- L-iblah jirreaġixxi aktar milli jaġixxi bil-ħsieb. Kif imissuh, ifur mill-ewwel; kif ma jaqblux miegħu jaqleb fuq id-difiża; kif jiddubitah xi ħadd iħoss il-bżonn li jipprova lilu nnifsu. Issibu spontanju bla ma jkollu l-ħila jieqaf u jaħseb biex isib l-aħjar strateġija possibbli. L-iblah jitkellem aktar milli jaħseb. Ħalqu jgħaġġel aktar minn moħħu. Jaħseb li aktar ma jgħid aktar ikun intelliġenti; għalih opinjoni hi verità, u jħoss li aktar ma jkun storbjuż aktar ikollu poter. L-iblah dejjem irid isemma’ leħnu u jippretendi li kulħadd jisimgħu. Jasal li jitkellem biex jimla l-vojt u mhux għax jara valur f’dak li jgħid. Jitkellem aktar biex jimpressjona.
Insibu wkoll dan it-tip ta’ bluha fid-dixxipli ta’ Emmaus. Huma rreaġixxew mill-ewwel għall-mistoqsija ta’ Ġesù: x’ġara? Urew l-iskantament tagħhom li hu ma kienx jaf x’ġara f’Ġerusalemm u mill-ewwel bdew jippruvaw jimlew il-vojt u jgħidulu l-istorja bla ma waqfu ftit jirriflettu x’se jgħidu. F’għajnejhom Ġesù deher bħal xi ħadd stramb u maqtugħ mid-dinja. Kien biss wara li Ġesù spjegalhom u għinhom jifhmu l-Iskrittura, x’ħin bdew jagħrfu l-pjan ta’ Alla f’dak li ġara. Li tieqaf u tirrifletti qabel titkellem hu għerf kbir!
- L-iblah jaħseb li hu dejjem għandu raġun. Mhux kapaċi jħares lejh innifsu u jara fejn seta’ żbalja jew x’hemm bżonn jibdel f’ħajtu. Jaħseb li l-mod ta’ kif iħares hu biss lejn ir-realtà hu tajjeb. B’hekk issibu jitfa’ t-tort ta’ dak li jkun ġara fuq l-oħrajn u fuq dak li jkun qed jiġri madwaru. Mhux kapaċi jħares lejn mera u jeżamina ftit lilu nnifsu u b’hekk jibqa’ fl-għamad li jkun fih.
Id-dixxipli ta’ Emmaus kellhom għamad quddiem għajnejhom; qiesu dak li ġara li kien tort tal-Qassisin il-Kbar u l-Kittieba. Ma kinux qed jagħrfu li kien meħtieġ li jiġri dan kollu biex isseħħ is-salvazzjoni. Huma ndunaw li qalbhom ma kinitx imkebbsa biex tagħraf il-verità, propju wara li għamlu l-esperjenza vera ta’ Ġesù fil-qsim tal-ħobż.
Ġesù jrid jaqlagħna mill-bluha kif għamel mad-dixxipli ta’ Emmaus. Irid jgħinna nagħrfu s-sens tal-ħajja u jagħtina direzzjoni li twassal għall-ħajja ta’ dejjem. Ġesù jrid li nkunu tassew liberi bla ma nħossuna skjavi għal dak li jridu minna n-nies; iridna nagħmlu għażliet għaqlin u mhux biss li nfittxu ngħoġbu lill-oħrajn. Ġesù jixtieqna nkunu konxji u li nagħrfu min tassew aħna. B’hekk nimxu mill-bluha għall-għaqal. Nimxu mill-qtigħ ta’ qalb u l-biża’ għall-kuraġġ. Nimxu mill-għeluq tagħna nfusna (fid-dar ta’ Emmaus) għall-ftuħ tal-komunità (mad-dixxipli f’Ġerusalemm). U dan isir madwar il-mejda tal-Mulej; l-Ewkaristija teħlisna minn kull bluha li nistgħu nsibu ruħna fiha. Nitolbu lil Mulej jgħinna nimxu f’direzzjoni li twassalna biex nagħrfu l-ħajja ġdida li tana Ġesù.

