Riflessjoni għat-3 Ħadd tar-Randan

Riflessjoni għat-3 Ħadd tar-Randan

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Dibattitu jew djalogu? X’differenza hemm bejniethom? Jidhru simili imma fir-realtà hemm differenza kbira.  Fid-dibattitu trid tkun ippreparat sew b’argumenti tajbin biex tikkonvinċi li dak li qed tgħid jagħmel sens, anzi tkun trid turi li int għandek raġun aktar minn min tkun qed tiddibatti miegħu. Dibattitu jidher aktar bħala ġlieda, li fiha trid toħroġ rebbieħ; tagħmel minn kollox biex timpressjona b’dak li jgħid. Fid-dibattitu tippromwovi l-opinjonijiet tiegħek waqt li tisfida dak li jgħidu l-oħrajn. Fid-djalogu, mil-banda l-oħra, tfittex li tersaq lejn il-persuna l-oħra u tipprova tifhimha. Fid-djalogu ma hemmx rebbieħ jew tellief; mhux importanti ta’ min tgħaddi, imma hu aktar importanti li l-partijiet jgħinu lil xulxin jikbru. Id-djalogu hu konversazzjoni li titlob ħafna smigħ u b’hekk il-partijiet jaslu li jifhmu lil xulxin aħjar. Fi kliem ieħor fid-djalogu l-persuni nvoluti ġenwinament jippruvaw ilaqqgħu perspettivi differenti u jaslu għal ftehim ġdid.

Quddiemna għandna eżempju ċar ta’ djalogu effettiv, tant kien effettiv li ħalla l-frott ta’ ħajja ġdida fil-mara sammaritana. Ġesù resaq lejn il-mara u ltaqa’ magħha fejn kienet. Ma resaqx lejha b’atteġjament ta’ superjorità għax kien raġel, jew għax Lhudi, parti mill-poplu magħżul ta’ Alla, anqas ma resaq lejha bħala mgħallem jew bħala wieħed popolari ma’ ħafna nies. Anzi resaq lejha bħala bniedem fil-bżonn, bil-għatx. Din kienet l-ewwel laqgħa ma’ din l-mara – iltaqgħu fil-bżonnijiet ta’ kuljum. Il-mara wkoll kienet bil-għatx, kieku ma marritx ħdejn il-bir fil-qilla tax-xemx biex timla’ l-ilma. F’dan id-djalogu hi għarfet l-għatx tagħha, tant li qaltu: agħtini minn dan l-ilma, Sinjur, biex ma jaqbadnix l-għatx, u anqas noqgħod ġejja u sejra hawn nimla l-ilma.”  Tassew il-vulnerabilità, il-bżonnijiet umani ta’ kuljum, u l-limiti tal-ħajja ilaqqgħuna flimkien u jgħinuna nibnu djalogu biex nifhmu aktar lil xulxin! 

Għax kien tassew djalogu, setgħu jagħmlu pass ieħor, u mxew fuq livell aktar profond. Ġesù ħass għatx ieħor f’din il-mara  ̶  l-għatx spiritwali. Fit-taħbit tagħha ta’ kuljum, il-mara kienet qed tfittex l-imħabba vera; kellha ħamest irġiel u ieħor kienet miegħu, imma ħadd minnhom ma rnexxielu jimliela qalbha  ̶  kienet għadha ma sabitx dak li xtaqet. F’dan id-djalogu Ġesù mexxieha pass pass biex tagħraf ukoll dan il-bżonn profond u tinduna li l-imħabba vera tista’ ssibha biss f’Alla, li hu Mħabba. Hi u titkellem, hi u tisma’, indunat li għalxejn kienet “ġejja u sejramingħand raġel għall-ieħor. Indunat li Ġesù biss, is-seba’ raġel li ltaqgħet miegħu, seta’ jagħtiha din l-imħabba vera għax hu kien l-Iben ta’ Alla. Tassew it-tfittxija għall-imħabba twassalna biex nixorbu mill-istess għajn – mill-Ispirtu ta’ Alla li hu mħabba!

Min hawn id-djalogu jgħaddi għall-livel ieħor; din id-darba kienet il-mara stess li bdiet id-diskors fuq ir-reliġjon; il-fejn u l-kif tingħata adorazzjoni lil Alla. Hu djalogu li fih tiskopri u tagħraf aħjar il-preżenza ta’ Alla. Bil-mod il-mod il-mara waslet għall-għarfien ġdid ta’ Alla u setgħet tara lil Alla f’Ġesù nnifsu li kien ħdejha. Mhix kwistjoni ta’ min għandu raġun u liema hi r-reliġjon vera, imma hi aktar kemm tkun miftuħ għall-esperjenza ta’ Alla f’ħajtek. Inutli niddibattu dwar minn għandu l-verità u min qiegħed fl-iżball, jekk lil Alla ma nadurawhx “fl-ispirtu u l-verita!” Tassew ir-reliġjon vera hi dik li tgħaqqadna u mhux li tifridna! Il-konċilju vatikan it-tieni fetaħ it-triq għal aktar djalogu ma’ nies bi twemmin differenti. Dan il-proċess ta’ djalogu hu tant importanti fi żmienna għax permezz tiegħu nistgħu nifhmu aħjar lill-oħrajn u flimkien naslu biex naduraw lil Alla bi spirtu wieħed u fil-verita. Il-Papa Franġisku spiss jagħmel enfasi fuq dan il-bżonn tad-djalogu, u mhux biss bejnientna l-insara (għalhekk qed isejjaħ għal knisja sinodali), imma wkoll ma’ reliġjonijiet oħra u mad-dinja atea. Hu qal li d-djalogu hu s-sinjal providenzjali ta’ żmienna.

Is-suċċess ta’ dan id-djalogu wassal biex il-mara, mhux biss bidlet ħajjitha imma marret tiġri tgħid lill-oħrajn biex huma wkoll jidħlu fi djalogu ma’ Ġesù. Saret missjunarja f’pajjiża stess; għax sabet l-imħabba, ħasset il-bżonn li tqanqal lill-oħrajn biex isibu l-imħabba vera. Ejjew nitagħllmu nevanġeliżżaw fi spirtu ta’ djalogu vera. Nisimgħu l-karba ta’ tant nies bil-għatx għall-imħabba, nimxu magħhom, nakkumpanjawhom biex huma wkoll jaslu li jsibu l-għajn li tnixxi l-ħajja.