Riflessjoni għat-30 Ħadd ta' matul is-sena
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana
Logħba tal-passat li ftit għadek tara min jilgħabha hi t-tiġieġa l-għamja. Kienu jgħattu għajnejn wieħed mit-tfal, u hu ried jaqbad lil ħaddieħor. Jekk jirnexxielu jaqbad lil xi ħadd, ried ukoll jgħajjat l-isem ta’ dak li jkun. Jekk jirnexxielu jkun rebaħ, u għalhekk ma jibqax b’għajnejh mgħottija. Minfloku jgħattu għajnejn lil min ikun inqabad. B’għamad quddiem għajnejk hemm bżonn li tkun ħafna aktar attent u tuża sensi oħra biex jirnexxilek tinduna min hemm quddiemek.
Ma jarax imma... Ħafna drabi persuna għamja jirnexxiela tiżviluppa ċerta kwalitajiet ferm aktar minn ħaddieħor. Fost l-oħrajn l-għomja ssibhom persuni reżiljenti; ħafna minnhom kapaċi jadattaw ruħhom quddiem l-isfidi tal-ħajja u donnu xejn ma jaqtalhom qalbhom. Jirnexxielhom jiskopru modi kreattivi biex jaslu jilħqu l-għanijiet tagħhom. Persuni nieqsa mid-dawl jirnexxielhom ukoll jiżvilippaw ħafna aktar is-sens tas-smigħ. Is-smigħ (listening) hi kwalità ferm bżonjuża biex tgħin lill-bniedem jiskopri l-verità, u japprofondixxi l-għarfien ta’ madwaru u tiegħu nnifsu. Is-smigħ veru mhux sempliċiment tisma’ kliem u ħsejjes oħra li jdawruna, imma hu proċess li jgħinna nifhmu aħjar l-esperjenzi tal-ħajja.
L-ewwel ħaġa li tagħmel smigħ veru hi l-kapaċità li tisma’ lilek innifsek; hu bżonn li nitgħallmu nisimgħu l-vuċijiet ta’ ġo fina u nsiru aktar konxji tal-movimenti nterni tagħna. Nitgħallmu nagħrfu xi jridu jgħidulna l-emozzjonijiet tagħna. Ir-riflessjoni personali fuq dak li nkunu qed ngħaddu minnu tgħinna nidentifikaw aħjar il-ħtiġijiet tagħna, inkunu aktar ċari dwar l-aspirazzjonijiet u jagħtuna saħħa quddiem l-isfidi tal-ħajja. Inħarsu ftit lejn Bartilmew l-għama, li nsibu fil-ġrajja tal-Vanġelu tal-lum. Hu meta sema’ li kien għaddej Ġesù ta’ Nazaret minn ħdejh, ħassu jitqanqal minn ġewwa. Kien kapaċi jisma wkoll dak li kien għaddej minn ġo fih u għaraf x’kienet il-ħtieġa vera tiegħu. Bartilmew wieġeb għal dak il-bżonn u beda jgħajjat għall-għajnuna. Għalkemm sab ħafna ostakli baqa’ jgħajjat għax kien jaf x’jeħtieġ. U hekk kif Ġesù staqsieħ xi jrid, pront pront, u bla tlaqaliq, wiegħġeb: “li nara Mulej.” Jekk inħares ftit lejn ħajti, kemm nagħraf verament x’irrid? Kemm naf x’inhu l-veru bżonn tiegħi? Importanti, għalhekk, li nisma’ lili nnifsi biex tassew inkun naf x’irrid u għaliex qed nitħabat f’ħajti. Bħal Bartilmew nieqfu u nisimgħu dak li hemm fil-ġewwieni tagħna.
It-tieni ħaġa hi l-kapaċità li nisma’ lill-oħrajn. Dan is-smiegħ hu neċessarju biex jinbnew relazzjonijiet b’saħħithom. Li tisma’ tassew lill-ieħor titlob empatija u kompassjoni. Dan jitlob dispożizzjoni li taqsam ma’ l-oħrajn l-esperjenzi li nkunu għaddejjin minnhom, u toffrilhom appoġġ sinċier. Is-smigħ ġenwin iwassalna biex nagħtu l-attenzjoni kollha tagħna lil dak li jkun. Ejjew inħarsu ftit lejn il-folla tan-nies. Għall-ewwel in-nies ma kienux kapaċi jisimgħu lil Bartilmew l-għama, li kien fil-ġenb tat-triq. Ma kienux komdi bl-għajta tiegħu u xtaquh jibqa’ sieket hemm biex huma jibqgħu għaddejjin għal triqthom. Ma ħassewx għalih u ma fehmux il-bżonn vera tiegħu. Imma mbagħad, bl-intervent ta’ Ġesù, in-nies waslu biex jisimgħu l-karba ta’ Bartilmew, tant li waslu biex jgħinuh jasal għand Ġesù. Ġesù għin lill-folla jisimgħu lill-bniedem fil-bżonn. Kultant aħna wkoll nibqgħu lura milli nisimgħu l-karba ta’ xi ħadd fil-bżonn biex nibqgħu għaddejjin għal triqitna. Ġieli ma nkunux komdi bil-karba ta’ min hu fil-bżonn u nippreferu s-skiet milli l-għajta tal-bagħtut. Imma Ġesù jagħmilna sensittivi u jgħinna biex nisimgħu bl-attenzjoni kollha lil min hu fil-bżonn.
It-tielet ħaġa għal smigħ vera hi s-smigħ għar-rieda ta’ Alla. Alla jsejjaħ b’mod personali, biex ilkoll naslu għas-smigħ tal-fidi. Li tisma lil Alla twasslek biex tiskopri l-għan tal-eżistenza tiegħek u tgħinek tħoss il-preżenza tiegħu f’ħajtek. Bartilmew sema’ lil Ġesù jsejjaħlu u mar ħdejh, hemm sab is-sens tal-ħajja tiegħu, tant li baqa’ miexi warajh bħala dixxipli tiegħu. Fit-tieni qari wkoll smajna li minn fost il-bnedmin, Alla jsejjaħ xi wħud biex jaqdu lill-poplu bħala qassisin. Dan is-smigħ jista’ jsir permezz ta’ talb, meditazzjoni, u riflessjoni fuq il-Kelma t’Alla.
Ejja nagħmlu sforz biex nipprattikaw is-smigħ b’kuraġġ, u niftħu qalbna għal dak li Alla jixtieq jagħtina.