Riflessjoni għat-30 Ħadd ta' matul is-sena

Riflessjoni għat-30 Ħadd ta' matul is-sena

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Il-ħasira jew il-persjana tilqa’ r-raġġi qawwija tax-xemx tas-sajf, imma nafu li fl-imgħoddi kienet ukoll ideali għal min irid jissindika u jilħaq salib ħaddieħor. Forsi llum m’għadx baqgħalna ħin għal wara l-ħasira jew il-persjana, imma xorta hawn ħafna li għad għandhom id-delizzju tas-sindikajr. Kemm nies moħħhom fl-oħrajn bla ma jieqfu ftit u jħarsu lejhom infushom! Kemm nies jitkażaw bl-oħrajn imma ħfief biex jiskużaw lilhom infushom.  Kemm hu aktar faċli li d-dnub tiegħek titfgħu fuq ħaddieħor, minflok tirrealiżżah u taħdem biex teħles mill-istess dnub! Il-psikoloġija ssejjaħ din l-imġieba projection. Dan jiġri kull meta nenfasizzaw d-djgħufijiet u d-dnubiet tal-oħrajn, biex nostru l-istess djgħufija u dnubiet tagħna. Din il-ħaġa kienet, għadha u tibqa’ tiġri.

Illum il-Kelma ta’ Alla tkellimna fuq dan, u turina xi ħaġa essenzjali ħafna għall-maturità tal-ħajja nisranija tagħna; turina l-bżonn li qabel ma nħarsu lejn in-nuqqas ta’ ħaddieħor, qabel ma niġġudikaw jew inqabblu lilna nfusna ma’ l-oħrjan, nidħlu ftit ġewwa fina u naraw fejn qegħdin aħna quddiem Alla. Fl-Evanġelju Ġesù jippreżentalna żewġ persuni li t-tnejn marru jitolbu fit-tempju: il-Fariżew u l-Pubblikan (Lq 18, 9-14). It-tnejn kienu qed jagħmlu ħaġa tajba – jitolbu. Imma kien hemm differenza kbira bejniethom: wieħed kien iħares lejn l-oħrajn b’superjorità u l-ieħor ħares lejn il-qalb tiegħu b’umiltà.  Il-Fariżew kien ċert wisq minnu nnifsu. Kien iħossu perfett u allura ma kienx jara lok ta’ bidla jew konverżjoni f’ħajtu. Hu rringrazzja lil Alla għall-kapaċitajiet tiegħu; kien iqis lilu nnfisu bravu wisq u jħoss li wasal fejn wasal bil-ħila u l-isforzi tiegħu biss. Qal fit-talb tiegħu: “Mulej, inroddlok ħajr li jien mhux bħall-bqija tan-nies… jew bħalma hu dak il-pubblikan hemm.” Araw il-kburija u s-suppervja! Imma l-pubblikan dawwar il-ħarsa tiegħu lejn l-istat tal-qalb miżera tiegħu; ħares ġewwa fih, u ta’ każ il-qagħda nterjuri tiegħu. Quddiem l-għarfien sinċier tiegħu nnfisu lissen biss il-kelmiet: “Mulej, ħenn għalija, li jien midneb.”  Ġesù jgħidilna: “Dak niżel ġustifikat, mhux l-ieħor.”  Għaliex? Għax il-fariżew staġna u baqa’ fejn kien fil-mixja spiritwali tiegħu, waqt li l-pubblikan baqa’ jinbidel u jikber fil-grazzja; hu fehem li mingħajr Alla ma seta’ jagħmel xejn. U hemmhekk sab il-grazzja.

Xi drabi aħna wkoll insibu ruħna bħall-fariżew, moħħna fin-nies, nagħmlu paraguni ma’ l-oħrajn u nkunu ħfief biex nikkundannaw.  Min jaf kemm inħossuna tajbin għax immorru għall-quddies, mhux bħal ħafna li ma tarahomx lejn il-knisja! Min jaf kemm inħossuna superjuri għax nagħmlu xogħolna sew mhux bħal ħafna li jiskartaw jew li jkunu traskurati f’xogħolhom! Min jaf kemm drabi nħossu li aħna ġenerużi għax nagħtu xi ftit karità minn żmien għal żmien, mhux bħal ħafna li moħħhom fil-flus! Imma ejjew niftakru li Alla jħares lejn il-qlub. Aktar milli nkunu moħħna f’xulxin, ejjew inkunu attenti għall-ħajja interjuri tagħna. Meta nitkellmu mill-ħajja nterjuri, qed nirreferu għar-relazzjoni ntima ma’ Alla. Meta nieħdu ħsieb il-ħajja nterjuri nkunu qed nagħtu spazju lil Alla ġewwa fina. Il-ħajja nterjuri hi bħal ġnien li hemm bżonn li jiġi kkultivat.  Jekk tabbandunah jikbar fih il-ħaxix ħażin tal-kburija u s-suppervja.  Imma jekk tieħu ħsiebu b’ħin ta’ silenzju, smiegħ tal-kelma ta’ Alla, u talb, dan il-ġnien jagħti frott tajjeb, fost l-oħrjan il-paċi nterjuri.  Importanti li ma nħallux il-ħajja ta’ barra – ix-xogħol, it-teknoloġija, l-anzjetà – toħdilna qalbna kollha u għalhekk importanti li nsibu ftit ħin kuljum biex nisimgħu lil Mulej, waqt li neżaminaw lilna nfusna biex naraw fejh tinsab il-qalb tagħna, fejn hu Alla f’ħajjitna. U ma nibżgħux nersqu quddiemu u ngħidulu: “Mulej, ħenn għalija, li jien midneb.”

Ejja nitolbu biex kull wieħed u waħda minna jkun kapaċi jisma’ l-vuċi ta’ Alla ġewwa fih, iħares lejn il-ħajja interjuri tiegħu, u jħalli lil Alla jaħdem fih. Niftakru li l-Fariżew tela’ fit-tempju biex jitlob u niżel imtaqqal, għax fit-talb tiegħu ma kellux post għal Alla, waqt li l-pubblikan tela’ jitlob kollu niedem u niżel ħieles u mimli bil-grazzja ta’ Alla għax ħalla lil Alla jaħdem fih. Ħa nkunu bħal dak il-Pubblikan: umli, onesti, konxji mill-fraġilità tagħna, imma mimlija fiduċja fil-ħniena tiegħu.