Riflessjoni għat-32 Ħadd ta' matul is-sena

Riflessjoni għat-32 Ħadd ta' matul is-sena

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Meta xi ħadd jistiednek għal tieġ, tħoss li għandek tagħtih rigal sura, għax tal-mistħija tmur b’idejk vojta, jew tagħti xi ħaġa żgħira f’okkażjonijiet bħal dawn. Għalmenu hekk mistenni mis-soċjetà! Ħafna drabi jekk ma jirnexxilniex nilħqu l-aspettativi tas-soċjetà, nħossuna inqas mill-oħrajn, jew li m’aħniex ta’ livell. Fuq kollox, faċli jħamrulek wiċċek jekk tmur f’tieġ b’idek f’idek, jew jekk tagħti rigal anqas milli jippretendu!  Ovjament din mhix xi ħaġa biss tat-tiġijiet u tal-mistednin, imma tiġri f’ħafna oqsma oħra. Per eżempju jekk wieħed ma jgħaddix minn eżami jew ma jirnexxilux jasal għall-professjoni li jkunu jriduh fiha tal-familja, malajr jgħidulu: “ħammartilna wiċċna.” Jew meta xi ħadd ma jkollux biex jixtri l-aħħar mudel ta’ smart phone, iħossu inqas mill-oħrajn u jistħi juża’ wieħed qadim. Jistgħu jkunu ħafna l-mumenti fejn inħossuhom tal-mistħija

X’iħammarlek wiċċek l-aktar? Naħseb li lkoll xi darba jew oħra sibna ruħna mbarazzati quddiem in-nies, jew stħajna minna nfusna jekk mhux ukoll minn Alla nnifsu. Il-mistħija hija emozzjoni qawwija u kumplessa.  Sa ċertu punt il-mistħija tgħinna nkunu prudenti, u allaħares kultant ma nħossux ftit mistħija biex ma nispiċċawx niżbaljaw minħabba l-imprudenza tagħna. Imma meta l-mistħija taffetwa s-sens ta’ identità tagħna, r-relazzjonijiet tagħna u l-ħajja spiritwali tagħna, tgħamlilna ħafna ħsara, għax hemm nibdew inħossuna inadegwati, falluti u bla ebda skop.  l-emozzjoni tal-mistħija (shame) hi differenti mill-emozzjoni ta’ ħtija (guilt); il-misħija hi aktar profonda għax tħossok li int ħażin, waqt li s-sens tal-ħtija hu meta tħoss li tkun għamilt xi ħaġa ħażina.  Il-mistħija taffetwa aktar dak li aħna, għax inħossuna li ma niswew għal xejn, li mhux maħbubin u li m’aħniex aċċettati. Ħafna drabi nippruvaw nirbħu dan is-sentiment billi ngħoġbu lill-oħrajn, nagħtu każ ħafna l-mod ta’ kif nidhru, u allura nfittxu li nilbsu lbies tad-ditta, nfittxu unuri u titli, fejn nistgħu nkunu galantomi biex nimpressjonaw kemm nistgħu, u forsi nirbħu r-rispett, l-imħabba u l-aċċettazzjoni tal-oħrajn, jew għal inqas ma niġux f’ilsien in-nies għax, kif nafu, ilsien in-nies inigges.

Inħarsu ftit lejn il-ġrajja tal-lum: min-naħa għandna l-maġġoranza tan-nies jippruvaw jimpressjonaw billi bl-ammonti sostanzjali ta’ flus li kienu qed jixħtu fil-kaxxa tat-tempju; u min-naħa l-oħra għandna mara armla li tefgħet żewġ muniti żgħar. Ta’ min jinnota li l-mara ma stħatx titfa l-ftit, għax li kienet qed tagħmel għamlitu b’imħabba lejn Alla u mhux biex timpressjona lil xi ħadd. Hi għarfet li mhix tal-mistħija li tagħti l-ftit, jekk kull ma jkollok hu ftit. Ma ħassitiex anqas mil-oħrajn, avolja ma kelliex daqs l-oħrajn. U dan kollu Ġesù jinnotah. Hu ma mpresjonax ruħu bil-ħafna tal-galantomi, imma iva nnota u aprezza l-ftit tal-armla, għax dak il-ftit kien il-kollox tagħha. Innota li l-mara tat bl-imħabba.

Ta’ min jiftakar li l-mistħija hi frott id-dnub.  Fil-mument li Adam u Eva ma obdewx lil Alla nfetħulhom għajnejhom u raw il-vulnerabiltà tagħhom, id-djgħufija tagħhom, il-falliment tagħhom, ix-xejn tagħhom, u staħbew għax stħaw minnhom infushom, minn xulxin u minn Alla, minħabba li għarfu l-għera tagħhom.  Iżda Alla stedinhom għar-rikonċiljazzjoni, biex ma jintrebħux mil-mistħija. Hu bagħat lil Ġesù, is-saċerdot etern biex jeħlisna minn dak kollu li kien iħamrilna wiċċna – id-dnub. Hu għamel dan billi offra lilu nnifsu – tana l-kollox, kif smajna fit-tieni qari tal-lum. Ġesù qaleb ta’ taħt fuq l-aspettivi tal-bniedem; għalih il-ftit sar abbundanza waqt li l-ħafna ma sar jiswa xejn jekk ma jsirx bl-imħabba. Liċ-ċkejknin tagħhom l-ewwel post waqt li l-imkabbrin warrabhom.

Ejjew ma nħallux il-mistħija żżommna lura milli nkunu tassew ġenerużi, u noffru lilna nfusna lil Alla (għax aħna ferm prezzjużi f’għajnejh). Ma nistħux noffru kull ma għandna, anke jekk ftit, basta noffru bl-imħabba u mhux biex nimpressjonaw lil xi ħadd.