Riflessjoni għat-33 Ħadd ta' matul is-sena

Riflessjoni għat-33 Ħadd ta' matul is-sena

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Mastrudaxxa tajjeb, qabel jibda jqatta folja njam, jieħu ħsieb ifassal sew biex ma jaħli xejn minnha. L-istess ħajjata tal-affari tagħha, tara kif l-aħjar tuża’ l-biċċa drapp li jkollha, biex isserviha u ma tirrovinahiex għal xejn. Kull ma jsir għandu bżonn il-ħsieb u l-pjan qabel ma jibda jiġi mwettaq. Kultant issib min, biex iħaffef jew biex jeħles mix-xogħol, jibda jaħdem bla ma qabel xejn ikun għamel pjan adekwat. Imma ħafna drabi, jekk wieħed jaqbad l-iqsar triq, tiġih għar, għax jispiċċa ma jagħmel xejn sew. Imbagħad quddiem il-falliment tiegħu stess, jista’ jaqta’ qalbu jew jaħseb li mhux kapaċi biżżejjed u jasal biex jiddeċiedi li aħjar ma jagħmel xejn. Dan jista’ jwassal għall-għażż.

L-għażż hu stat ta’ ħajja fejn ma jkollok aptit tagħmel xejn. Ma tuża’ ebda enerġija għal ebda ħaġa u tispiċċa tintelaq minn naħa għal oħra bħal ġisem bla ħajja. L-għażżien ifittex li jkun komdu bla ma jagħmel ebda sforz – jistenna li kollox isir waħdu jew li ħaddieħor jaħdem għalih. Għalfejn iħabbel rasu jew jitħabat biex jilħaq xi għan partikulari, meta l-ħajja tista’ tgħaddi xorta bla taħbit?

Ħafna drabi l-għażż hu kawża ta’ – nuqqas ta’ motivazzjoni, nuqqas ta’ interess, nuqqas ta’ kunfidenza fina nfusna, biża’ mill-falliment, nuqqas ta’ kapaċità li tiddeċiedi, meta ma jkun hemm ebda ambizzjoni jew skop x’tilħaq, biża’ mir-respnsabbilità jew meta ma tkun trid tkun accountable għal ħadd. Wieħed jista’ jispiċċa fil-għażż  ukoll meta jkun distratt, depressed, jew tant ikollu x’jagħmel li jispiċċa bla saħħa. L-għażż hu l-akbar għadu tagħna għax jista’ jeqridilna ħajjitna kompletament. Min jiġi mirbuħ mill-għażż, jaħli ħajtu fil-vera sens tal-kelma. 

L-ewwel qari tal-lum għandu kliem ta’ tifħir għal dik il-mara bil-għaqal li tuża’ moħħa u l-kapaċitajiet tagħha biex tkattar il-ġid u tagħmel minn kollox biex iżżomm il-familja tagħha fl-aħjar stat possibbli. Dan il-qari jagħtina perspettiva sabiħa tax-xogħol. Ix-xogħol mhux kastig imma hu kollaborazzjoni mal-ħallieq – co laborat (naħdem ma’). Alla ta lil bniedem responsabbiltà, qabel mal-bniedem waqa fid-dnub. Għalhekk ix-xogħol mhux kastig tad-dnub imma missjoni li Alla jagħti lill-bniedem biex jieħu ħsieb lid-dinja. Ma rridux naraw ix-xogħol biss bħala qliegħ ta’ flus. Jekk naraw biss il-flus l-istess xogħol isir monotunu, u ovvjament fejn nistgħu naħarbuh naħarbuh. Aktar minn kollox ix-xogħol hu mod konkret kif nagħtu servizz lil xulxin. L-enerġija u l-ħidma tagħna tkun qed tikkontribwixxi għal bini ta’ dinja aħjar; jekk nagħmel li nista’ biex il-familja tiegħi tgħix b’mod deċenti, nkun qed nagħti kontribut lis-soċjetà kollha, għax soċjetà f’postha hi magħmula minn familji f’posthom.

Meta naħdem biex nara l-familja tiegħi fi stat tajjeb, bħall-mara ta’ ħila li smajna dwarha llum, nkun qed nagħti wkoll glorja lil Alla. Fil-parabbola tat-talenti naraw kif is-sid ħa gost bil-ħidma tal-ewwel żewġ qaddejja, li kattru ġid sidhom. Huma raddew lis-sid sew dak li kien tagħhom fil-bidu u sew il-frott tal-ħidma tagħhom kullu. Fl-aħħar taż-żmien aħna għad inrroddu lura lis-Sid ta’ kollox mhux biss dak li tana, imma wkoll il-frott tal-ħidma kollha tagħna fuq din l-art. Aħna ma se nżommu xejn minnu!  Mela x’inhu l-ħlas li jmissna għax-xogħol kollu li nkunu għamilna? Ġesù jagħtina ħjiel ta’ dan fl-istess parabbola, meta jgħidilhom “idħlu fil-hena ta’ Sidek.” Dan ifisser li meta aħna nagħtu kollox lil Alla, hu se jagħtina kollox fl-eternità. Ħares lejn il-qaddej għażżien, li ħela ħajtu, ma sewa għal xejn, u  qatt ma ħadem mal-ħallieq biex jibni dinja aħjar, spiċċa barra fid-dlam. Ma ta xejn, spiċċa b’xejn. Ma kkontribwixxa xejn, spiċċa b’idu vojta.

Inkunu grati għax-xogħol li għandna, u nipprovaw nagħmlu dak li nagħmlu b’servizz lejn xulxin u biex nagħtu glorja lil Alla. Naħdmu u nagħmlu li nistgħu biex nibnu dinja aħjar, kif jixtieq Alla minn kull bniedem.