Riflessjoni għat-33 Ħadd ta' matul is-sena

Riflessjoni għat-33 Ħadd ta' matul is-sena

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Minn żmien għal żmien nisimgħu b’xi terremot li jolqot lil xi pajjiż jew ieħor; meta jkun qawwi kollox jheżżeż u jċaqlaq mill-qiegħ. Tassew traġedja kerha, l-aktar meta jiġġarraf il-bini u jkun hemm l-imwiet. Meta dan jiġri, jsir sforz komuni biex dik il-belt terġa’ tinbena. L-istess jiġri wara xi gwerra li tħalli ħerba sħiħa. Kull theżżiż, kull ċaqlieq, jagħti lok għal realtà ġdida.  Fil-Vanġelu tal-lum, Ġesù jipprepara lid-dixxipli tiegħu għal theżżiż kbir, prinċiparjament jirreferi għal tlett theżżiżiet kbar, ta’ strutturi li kienu jidhru intanġibbli fis-soċjetà ta’ żmienu.

L-ewwel: it-theżżiża tas-sistema reliġjuża li nsibu mdawra mat-Tempju. Lit-Tempju sabiħ li d-dixxipli kienu qed jammiraw, kellu jiġġarraf u ebda ġebla ma tibqa’ fuq oħra. Għall-poplu Lhudi, it-Tempju kien iċ-ċentru tal-fidi u tal-identità nazzjonali tagħhom, għalhekk it-tiġrif tat-Tempju kien ifisser ħafna. Li jisimgħu li t-Tempju kellu jaqa’ kien jitqies bħallikieku wasal tmiem id-dinja. It-Tieni, it-theżżiża politika. L-istruttura politika kienet imdawra madwar imperaturi u gvernaturi. Il-gwerer u l-ġlied li jsemmi Ġesù juruna  li kull imperu u kull sistema politika titheżżeż u tikrolla. It-tielet, it-theżżiża tan-natura. Anke dak li hu naturali ma jibqax l-istess. “Fis-sema għax jidhru ħwejjeġ tal-biża,” il-ħolqien kollu għad iġarrab turbulenzi qawwija. Ir-referenza għall-mard b’xi mod ukoll juri theżżiża fin-natura.

Dan it-theżżiż qed narawh jiġri wkoll fi żmienna. Ir-reliġjon għaddejja minn taqlib kbir. Dak li fl-imgħoddi kien aċċettat minn kulħadd, issa qed jiġi ċċalinġjat u ddubitat. Kemm nies abbandunaw l-istess reliġjon li jħaddnu! Biex ma nsemmux ukoll it-taqbid intern fl-istess reliġjon li jwassal għal diviżjoni. Ideat u stili differenti li jġibu dubju kemm ir-reliġjon għadha b’saħħitha. Jekk inħarsu madwarna naraw li ħafna strutturi politiċi fid-dinja jinsabu f’taħbit kbir; anke d-demokrazija tinsab f’salib it-toroq. Dawk li fl-imgħoddi kienu jidhru ideoloġiji b’saħħithom, issa tilfu kull importanza. Donnu ħadd ma jaf xi jrid eżatt fejn tidħol is-sistema politika. L-istess nistgħu ngħidu fir-rigward tan-natura. Anke n-natura tħawdet; fejn ix-xita hi vera rari, u fejn qed naraw għarar tal-biża. Is-sħana tax-xemx saret insapportabbli u qed taħraq u tixwi kollox; dan qed jaffettwa l-art, l-ajru u l-baħar. Diversi kreaturi qed jispiċċaw għal kollox minħabba li mhux jifilħu s-sħana. U nistgħu nibqgħu nsemmu eżempju wara l-ieħor ta’ sfreġju li qed iġġarrab in-natura.

Mhux biss ir-reliġjon, il-politika u n-natura qed jiġu mhedda, imma kultant anke aħna nesperjenzaw xi theżżiża qawwija fil-ħajja personali tagħna. Kultant jiġu mheżża relazzjonijiet li konna nistrieħu fuqhom, jew inkella saħħitna li nieħdu bħala fatt ovvju kull x’ħin inqumu mis-sodda, jew pjanijiet u proġetti li nkunu tħabatna fuq li tħabatna għalihom.

Imma l-qari tal-lum hu wkoll qari li jagħmlilna kuraġġ kbir, għax Ġesù qed jibni ordni ġdida, frott il-qawmien tiegħu mill-imwiet. Tassew li r-reliġjon theżżet imma flokha nibtet fidi li twassal sal-ħajja ta’ dejjem: “Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom.” Il-binja l-ġdida tar-reliġjon mhix ibbażata fuq il-liġi tal-qedem imma fuq t-twemmin f’Ġesù rebbieħ fuq il-mewt. Flok is-sistema politika li kienet ibbażata madwar nies li jaħkmu fuq l-oħrajn, saret Saltna li ma tispiċċa qatt, saltna ta’ Mħabba u sliem, immexxija mis-Sultan il-Kbir li hu Kristu. In-natura wkoll issir ħolqien ġdid u ssir ġenna. Dan li għamel Ġesù jwassal għal tiġdid personali tagħna wkoll. Ġesù jfakkarna li l-ħajja ġġib magħha provi reali—kunflitti, persekuzzjonijiet, tradimenti, ansjetà, imma jgħidilna wkoll: “Tibżgħux… lanqas xagħra minn raskom ma tintilef.”  Anke jekk kollox jitheżżeż, Alla jibqa’ l-blata li qatt ma tiċċaqlaq.

Ara fejn tħoss li hu mheżżeż f’ħajtek u itlob lill-Mulej jagħmel minnek ħolqien ġdid.