Riflessjoni għat-33 Ħadd ta' matul is-sena
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana
Qatt ipprovajt titgħallem xi ħaġa ġdida, bħal xi sengħa jew lingwa barranija? Għal ftit terġa’ tħossok qisek tifel ċkejken li għadu kemm beda jitgħallem. Tibda b’affarijiet elementari ħafna. Fil-każ ta’ lingwa, tmexxi subgħajk bil-mod il-mod minn kelma għal oħra meta tipprova taqra. Tibda tlissen xi kelma li qatt ma tkun għedt qabel, u tirrepetiha diversi drabi. Jekk tiżbalja, tieqaf u terġa’ tipprova. U bil-mod il-mod tibda tinduna li bdejt tifhem xi sentenza ’l hawn u ’l hinn. Dan il-proċess ikun ferm eħfef jekk maġembek ikollok lil xi ħadd li jaf il-lingwa jew is-sengħa sew. Ikun hemm min jista’ jinkoraġġik, jagħmillek il-qalb biex tkompli, u jikkoreġik fejn ikun hemm il-bżonn. Forsi tinsa x’setgħet kienet id-diffikultà li iltqajt magħha jew dik il-kelma li ma stajtx tippronunzja sew, imma tibqa’ tiftakar f’min kellu l-paċenzja jistenniek sakemm irnexxielek titgħallem. Hi grazzja kbira meta xi ħadd jemmen fina, jinnota kapaċità li forsi aħna stess inkunu għadna ma ndunajniex biha, u jagħmel ħiltu biex jgħinna niżillupaw dak id-don li jkollna.
Il-parabbola tal-lum tibda b’ġest ta’ fiduċja. Qabel ma jitlaq, is-sid afda ġidu f’idejn il-qaddejja tiegħu. Fihom ra potenzjal u emmen li huma kapaċi jħaddmulu ġidu sew, anki jekk qabel qatt ma kienu għamlu dan ix-xogħol. Imma hu kien jafhom sew u lil kull wieħed tah skont il-ħila tiegħu. Kollha afdahom b’għajnejh magħluqa.
Mela wasal iż-żmien meta s-sid reġa’ lura u talab rendikont lil kull wieħed ta’ dak li kien għamel bil-ġid afdat lilu. Innutaw x’jgħid is-sid lill-ewwel tnejn meta ġabulu d-doppju ta’ dak li afdalhom. It-tnejn jisimgħu l-istess kliem: “Int kont fidil fil-ftit.” U t-tnejn jirċievu l-istess stedina: “Idħol fil-hena ta’ sidek.” L-isforzi li għamlu ħejjewhom għal xi ħaġa akbar. L-isforzi ma kinux xi ħaġa straordinarja. Bejn il-jum meta s-sid tahom it-talenti u l-jum li fih reġa’ lura, kien hemm ħafna ġranet ordinarji. Kien f’dawk il-ġranet li huma wrew il-fedeltà tagħhom. Ħadmu b’dak li kellhom f’idejhom u baqgħu jagħmlu dan tul iż-żmien kollu li s-sid kien assenti, bla ma ħallew l-għajja tmewwithom. Hekk tinbena l-fedeltà. L-impenn li darba nkunu dħalna għalih, nibqgħu ngħixuh f’kull jum ta’ ħajjitna. Fedeltà li tidher f’kull ħaġa, kbira u żgħira, li nkunu qed ngħaddu minnha. Il-Mulej ma jħarisx lejn kemm inkunu pproduċejna, imma lejn kemm inkunu ppruvajna nagħmlu li nistgħu fiċ-ċirkustanzi li nsibu ruħna fihom. Għal ġenitur, dan jista’ jfisser li kuljum iwarrab il-mowbajl u jisma’ lil bintu tirrakkonta x’ġara l-iskola. Għal għalliem, jista’ jfisser li jerġa’ jispjega bil-paċenzja kollha l-istess ħaġa għal diversi drabi sakemm jara li t-tfal ikunu fehmuh. Għal min jaħdem mal-morda, jista’ jfisser li jibqa’ jassisti anke meta ma jkunx baqa’ tama ta’ fejqan. U għalina l-fedeltà tista’ tfisser li nagħtu każ ta’ dik il-persuna li tħossha qed tbati weħidha fil-problemi tal-ħajja.
Imma hemm ukoll it-tielet qaddej. Meta s-sid jistaqsih x’għamel bit-talent, hu jwieġeb: “Bżajt.” U minħabba l-biża’ mar jidfen dak li rċieva. Is-sid m’aċċettax din l-iskuża. Anzi, ikkundannah u qallu: “Qaddej ħażin u għażżien,” u spiċċa fil-“biki u t-tgħeżżiż tas-snien.” Ilkoll, b’xi mod jew ieħor, stajna esperjenzajna din il-biża’. Forsi xi drabi ħassejna f’qalbna vuċi li tgħid: “U jekk niżbalja? Jekk ħaddieħor kapaċi jagħmilha aħjar minni? Jekk dak li għandi x’noffri hu irrilevanti?” Imma mportanti li nirbħu din il-biża’ u nwarrbu kull tendenza li tista’ twassalna biex nidfnu dak li hu tajjeb fina. Nistgħu, pereżempju, nidfnu xewqat li naqdu u ngħinu lill-oħrajn, jew nidfnu dik il-kelma tajba li ġiet f’moħħi u f’qalbi, li biha nista’ nagħmel il-ġid. U jekk nibqa’ lura llum u nibqa’ lura għada, nispiċċa biex jien ukoll insir għażżien u mhux leali lejn il-missjoni li l-Mulej qed jafdali f’idejja. Jekk il-biża’ li niżbaljaw jew inkella l-kumdità jżommuna lura milli niżviluppaw id-doni li Alla tana, nispiċċaw nitilfu saħansitra dak li għandna.
Niftakru li l-fedeltà tinbena fl-għażliet żgħar li nagħmlu kuljum. Għalhekk illum ejjew naraw jekk hemmx xi doni li qed inżommu midfuna, għax nibżgħu jew għax nistħu. Ejjew naraw x’pass żgħir nistgħu nagħmlu biex nużaw dawk id-doni li Alla qed jafdalna f’idejna ħalli bihom nagħmlu l-ġid. Il-ħin u l-ħila li nisimgħu, huma doni li żgur nistgħu nużaw għall-ġid ta’ ħaddieħor. Niftakru li meta l-Mulej isejħilna fl-aħħar, il-premju li jwiegħed lil min jibqa’ fidil hu li jaqsam miegħu l-hena tiegħu. Illum nitolbuh il-grazzja li nibqgħu fidili fil-ftit tal-lum, biex meta niltaqgħu miegħu nisimgħu wkoll aħna l-kliem tiegħu: “Idħol fl-hena ta’ sidek.”
