Riflessjoni għat-tieni Ħadd tal-Avvent

Riflessjoni għat-tieni Ħadd tal-Avvent

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Xi wħud donnhom skoprew l-użu tas-sanitizer f’aħħar sentejn/tlieta, imma s-sanitizer kien ilhom jużawh, l-aktar it-tobba u l-infermieri fl-isptarijiet. Tul il-pandemija ndunajna li kulħadd seta’ jagħmel użu minnu, għax kulħadd jista’ jkollu jdejh infettati b’xi mikrobu. Issa drajna fuq li drajna naħslu jdejna bis-sanitizer, tant drajna li kultant ninsew li nkunu għadna kif ħsilniehom u nerġgħu nitfgħu xi ftit sanitizer u norku jdejna mill-ġdid.  M’hemmx telf meta nippurifikaw idejna, nkunu qed neħilsu minn kull mikrobu li jista’ jkollna ma’ jdejna bla ma nafu.

Il-proċess tal-purifikazzjoni hu proċess li nsibuh f’diversi realtijiet. Ħafna drabi nużaw l-ilma biex innadfu u nippurfikaw xi ħaġa. Imma anke l-ilma stess kultant għandu bżonn jiġi ppurifikat; ngħadduh mill-filters apposta biex jitneħħew minnu mpuritajiet li jista’ jkollu fih.

Il-purifikazzjoni hi meħtieġa anke spiritwalment. Diversi drabi jintuża’ l-ilma bħala simbolu ta’ purifikazzjoni spiritwali, bħal fil-każ tal-magħmudija u fit-tberik, meta nroxxu l-ilma. Fit-testment il-qadim diġà nsibu riti ta’ purifikazzjoni; per eżempju s-saċerdoti kellhom rit ta’ purifikazzjoni qabel ma kienu jersqu biex joffru s-sagrifiċċji. Dan peress li kull saċerdot jista’ wkoll ikun tniġġes b’xi mod jew ieħor. Insibu wkoll riti oħra marbuta mal-purifikazzjoni ta’ nies li kienu tniġġsu għax missew ma’ xi mejjet, jew inkella jkunu marru s-suq, fejn setgħu ġew f’kuntatt ma’ xi pagani, jew ukoll tinġis ieħor li kienet tidentifika l-liġi. Imma t-tinġis spiritwali hu realtà nterna, aktar milli waħda esterna. L-ilma ma jippurifikax il-qalb u għalhekk is-sejħa għall-purifikazzjoni tal-qalb issir fil-bdil tal-ħajja – konverżjoni tal-qalb magħrufa bħala Metanoia.

Il-magħmudija ta’ Ġwanni 'l Battista kienet aktar sejħa ta’ konverżjoni milli ritwali. Kulħadd seta’ jidħol għall-proċess ta’ purifikazzjoni, għax kulħadd hu mniġġes. Hu sejjaħ għall-indiema, u bħala sinjal ta’ ndiema u purifikazzjoni wassalhom għall-magħmudija bl-ilma tal-Ġordan. Wera li l-indiema titlob U turn, bidla radikali tal-qalb. Titlob azzjoni konkreta biex turi l-ftuħ tal-qalb ta’ dak li jkun. Il-fariżej u s-saduċej ukoll resqu għall-magħmudija imma ma kienux lesti jibdlu ħajjithom, għalhekk kienet biss ritwal, li qatt ma seta’ jwassal għall-purifikazzjoni vera, tant li Ġwanni indirizzhom bil-kliem: “nisel il-lifat.” Dan juri kemm huma kienu dejjem lesti jiġbdu lejhom; jiġbu l-attenzjoni ta’ kulħadd, jiġdu l-importanza u l-poter ħalli jiddominaw u jaħkmu fuq l-oħrajn, ifittxu dak li jaqblilhom, u dak li kienu jgħamlu jgħamluh għall-gwadan tagħhom.  

Ejjew naraw fejn hemm bżonn nibdlu; fejn hemm bżonn nagħmlu U turn:

  • forsi jien ukoll għandi bżonn infittex aktar li nagħmel, ngħamlu għall-glorja ta’ Alla, u mhux biex niġbed l-attenzjoni tal-oħrajn;
  • forsi irrid nibda naqdi aktar lill-oħrajn, milli nfittex li jaqduni;
  • jew flok nikritika u nikkumenta fuq kulħadd, niskot u nipprova nifhem dak li qed jgħid ħaddieħor. U anke jekk ma naqbilx, xorta nibqa’ nirrispetta lil dak li jkun;
  • forsi hemm bżonn li nirristruttura l-prijoritajiet tiegħi u noqgħod aktar attent kif nuża’ l-ħin, u r-riżorsi tiegħi biex ma naħlix il-ġid li Alla jipp

Bla dubju kulħadd għandu fejn jagħmel U turn, kulħadd għandu bżonn ta’ ndiema. L-Evanġelju tal-lum jerġa jurina l-urġenza ta’ dan; jgħidilna li l-ġudizzju diġa qed isir issa, “il-mannara qiegħda ma’ għerq is-siġra li ma tgħamilx frott, il-midra qiegħda f’idu biex jiġbor il-frott u jaħraq it-tiben.”

Ejjew inħarsu ftit lejn għemilna u naraw xi frott qegħdin nagħmlu. Naraw jekk il-ħidma kollha tagħna, l-isforzi kollha tagħna, l-impenji kollha li nidħlu għalihom, hux qed iħallu tassew frott ta’ mħabba. Niftakkru li żmien l-Avvent hu żmien ta’ purifikazzjoni, u l-Mulej irid ineħħi minnha dak kollu li jista’ jfixkilna milli nagħmlu l-frott mistenni minnha, ineħħi minnha dak li jikkontamina lil qalbna, biex inkunu “fehma waħda bejnietna skond Kristu Ġesù, u biex b’fomm wieħed u b’qalb waħda nfaħħru lil Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu,” kif kiteb San Pawl lir-Rumani fit-tieni qari tal-lum. Kif smajna wkoll fl-ewwel qari fejn kollox jgħix f’armonija waħda.