Riflessjoni għat-Tlugħ tal-Mulej fis-sema

Riflessjoni għat-Tlugħ tal-Mulej fis-sema

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana

Meta xi ħadd jemigra, jieħu miegħu mhux biss l-aktar affarijiet prezzjużi li jkollu, imma anke’ dawk il-ħiliet li jkun akkwista mill-esperjenza taż-żmien. Jieħu miegħu wkoll il-kultura li jkun kiber fiha; it-tradizzjoni u l-istil ta’ ħajja li jkun tgħallem jgħix fih. Hekk, pereżempju, il-Maltin li marru lejn l-Awstralja ħadu magħhom diversi tradizzjonijiet Maltin, li sabu posthom hemm meta l-emigranti maltin integraw ruħhom f’dak li hu Awstraljan.  Tant li ċerti tradizzjonijiet għadek issibhom hemm sal-ġurnata tal-lum, minkejja li għadda ftit żmien mhux ħażin.

Bil-festa tal-lum il-Knisja qed tfakkarna meta Ġesù kien ħalla din id-dinja u tela’ fis-sema mal-Missier. Din m’hijiex festa li sempliċiment tfakkar il-ġrajja tat-tluq ta’ Ġesù mid-dinja, jew meta Ġesù ħalla kollox f’idejn l-appostli u daqshekk. Imma hi festa li fiha niftakru aktar meta dak kollu li hu uman sab postu fis-sema. Meta Ġesù tela’ fis-sema, ma marx bħala Alla biss, imma daħal fid-dar tal-Missier ukoll bħala bniedem; ħa miegħu n-natura umana tagħna fil-glorja tal-Missier. Din hi verità hi tassew inkoraġġanti għax in-natura umana sabet postha fis-sema. Dan ifisser li dak kollu li jagħmilna umani, inkluż ġisimna bid-dgħufijiet u l-ġrieħi kollha tiegħu, l-istorja u l-ġrajja kollha tal-popli, il-biżgħat u l-aspirazzjonijiet tal-bniedem, mhuwiex ta’ stmerrija għal Alla. Alla b’ebda mod ma warrab lill-bniedem ’il bogħod minnu, imma għall-kuntrarju, tant ħabbu li riedu jkun miegħu għal dejjem. Min-naħa tal-bniedem, pero’, spiss iħossu ċkejken quddiem Alla, spiss iħossu li ma jiswa xejn, u spiss iħossu wisq maqbud fil-ħwejjeġ tal-art. Fid-dinja tal-lum jew infissdu żżejjed il-ġisem jew inkissruh. Imma fil-misteru tat-Tlugħ fis-Sema, dan il-ġisem uman jidħol fil-glorja ta’ Alla. B’hekk kull bniedem għandu dinjità kbira. Kull persuna hi msejħa għall-ħajja eterna. Il-Mulej jurina li d-destin tagħna hu s-sema; aħna maħluqin biex inkunu fis-sema pajjiżna għal dejjem. Santu Wistin ġustament jgħid: “Qalbna ma ssibx mistrieħ qabel ma tistrieħ fik, Mulej.” Tassew postna hu ma’ Alla u fih biss insibu l-mistrieħ tagħna. F’Ġesù mtella’ fis-sema naraw il-futur tagħna. Fejn daħal ir-Ras, hemm mistiedna jaslu wkoll il-membri tal-Ġisem tiegħu.

Iva, nemmnu li bit-Tlugħ ta’ Ġesù fis-sema, l-umanità sabet postha fis-sema, imma nemmnu wkoll li, bit-Tlugħ fis-Sema, id-dinja ma tbattlitx minn dak li hu divin. Il-preżenza ta’ Alla baqgħet timla kull rokna tad-dinja. U biex din il-preżenza tibqa’ tinħass mill-bniedem, Ġesù ordna lid-dixxipli tiegħu jmorru fid-dinja kollha u jgħallmu. Ried li, sakemm jasal iż-żmien li aħna nidħlu fis-sema, ikollna missjoni ċara x’naqdu; ngħaddu lill-oħrajn dak li nkunu skoprejna. San Ġorġ Preca kien spiss jgħid: “It-tagħlim hu għajn ta’ kull ġid.” Għax bit-tagħlim naslu biex insiru tassew dixxipli tal-Mulej. Kien bis-setgħa tiegħu li Ġesù qalilhom: “Morru agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha”. Importanti nifhmu li dan mhuwiex sempliċiment “job” li Ġesù qed jimpjegana fih, imma mandat biex inwasslu lill-bnedmin kollha jagħrfu l-preżenza divina tiegħu fid-dinja. Hi missjoni urġenti. In-Nisrani ma għandux jibqa’ ċċassat lejn is-sema, jistenna ż-żmien jgħaddi, biex imbagħad jidħol il-ġenna. Inutli niċċassaw lejn is-sema, jewkk ma nwettqux l-mandat li tana Ġesù nnifsu mill-aħjar li nistgħu. Niftakru li l-irġiel li dehru lill-appostli dak inhar li Ġesù tela’ fis-sema qalulhom: “Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema?” Għalhekk il-festa tal-lum hi stedina biex iva, nerfgħu għajnejna ’l fuq, imma wkoll ngħixu l-missjoni afdatha lilna b’entużjażmu u ferħ.  Waqt li qalbna għandha tibqa’ tittama fil-ħajja tas-sema, saqajna jridu jibqgħu fuq l-art. In-Nisrani ma għandux jaħrab mid-dinja, imma jibqa’ fiha biex jittrasformaha bid-dawl tal-Evanġelju, u b’hekk ir-realtajiet tal-ħajja ngħixuhom b’tama ġdida. Meta nġorru t-toqol tal-ħajja, meta nħossuna mweġġgħin jew falluti, niftakru li Kristu fetaħ triqna lejn il-Missier.

Nitolbu llum lill-Mulej biex jerfagħalna qlubna lejh, u jgħinna biex ma nintrabtux biss ma’ dak li jgħaddi, imma ngħixu bħala nies tas-sema waqt li għadna mexjin fuq l-art. U jekk xi darba nkunu se naqtgħu qalbna għax nitilfu kull tama, niftakru f’din il-verità kbira: fi Kristu mtella’ fis-sema, in-natura umana tagħna diġà sabet postha fil-qalb ta’ Alla.