Riflessjoni għall-24 Ħadd ta' matul is-sena
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Il-mentalità ta’ “ixtri issa u ħallas wara” daħlet sew fostna. Sew jekk tixtri karozza u sew jekk tixtri dar, tirrikorri għal loan. Hemm min ifittex li jieħu loan anke fuq affarijiet sekondarji, bħal xi vaganza jew inkella xi party li jagħmel għat-tfal. Li tixtri bid-dejn ma jfissirx bilfors li tkun f’diffikultà finanzjarja, għax donnu saret xi ħaġa normali. Hawn min hu sinjur kbir u jagħżel li jidħol għal djun kbar biex ikompli jkabbar l-operat tiegħu. Imma, bla dubju ta’ xejn, għal min għandu diffikultajiet finanzjarji, id-dejn hu piż addizzjonali, għax iżid l-obbligu u jdaħħal fih is-sens li hemm xi ħadd jiġri warajk għax għandu jieħu mingħandek. Ir-relazzjoni ma’ entità li jkun midjun lejha żżommu dejjem dipendenti minħabba l-ħlasijiet. F’kultura konsumista, id-dejn huwa inċentivat billi jinħolqu strutturi faċli biex jinkoraġġixxu s-self. B’hekk issib min jiddejjen u jibqa’ jiddejjen, bil-periklu li ma jirrealizzax kemm żdied id-dejn li jkollu. Imma anke jekk id-dejn indara u avolja ħafna minna huma komdi jiddejnu, xorta d-dejn jibqa’ piż morali, għax taf li xi darba jew oħra trid trodd dak li għandek tagħti.
Hekk ġralu l-qaddej tal-parabbola tal-lum. Hu ddejjen u baqa’ jiddejjen mas-sultan. Wisq probabbli ma kienx konxju kemm id-dejn li kellu kien qed jakkumula, u b’hekk ma kienx isibha bi tqila jkompli jiddejjen ħalli jkollu xi jberbaq u jgħix komdu. Imma l-jum tal-kontijiet wasal ukoll. Ma kellux biex irodd dejnu lura. Ma seta’ jagħmel xejn għajr li jinxteħet għarkopptejh quddiem dak li kien obbligat lejh, jistenna minnu ħniena.
L-istess jista’ jiġri fil-ħajja spiritwali tagħna. Faċli li ma nirrealizzawx ir-realtà tad-dnub fina u nidrawh. B’hekk ngħaddu minn dnub għal ieħor sa ma nitgħabbew b’piż li ma nkunux nifilħu. Id-dnub, bħad-dejn, jakkumula, sal-punt li ma nibqgħux nindunaw kemm sirna midjunin quddiem Alla u quddiem xulxin. Aħna wkoll nistgħu nidħlu f’mentalità ta’ “self”: ftit kompromess hawn, ftit gideb ’l hemm, ftit rabja li ma naħfrux, xi ftit egoiżmu, ftit ġudizzju, ftit kliem żejjed, ftit indifferenza... u d-dejn jikber mingħajr ma nindunaw. L-akbar problema mhijiex biss id-dejn li għandna, imma wkoll li ma nibqgħux narawh aktar bħala dejn. Dak li darba konna nħossuh piż fuq il-kuxjenza, illum sar “normali”. Dak li darba konna ngħidu “dan mhux sew,” illum ngħidu “kulħadd jagħmel hekk.” U hekk il-kuxjenza tista’ tidra d-dnub.
Ejjew niftakru dak li jfakkarna l-awtur tal-ktieb Bin Sirak fl-ewwel qari tal-lum, meta jgħidilna: “Ftakar fl-aħħar ta’ ħajtek, u ieqaf mill-mibegħda; ftakar fit-taħsir u l-mewt, u oqgħod għall-kmandamenti. Ftakar fil-kmandamenti u tobgħodx il-proxxmu; ftakar fil-patt tal-Għoli u agħlaq għajnejk għall-offiża.” Niftakru li xi darba se naraw wiċċ is-Sultan il-kbir u jitlob minna nissetiljaw id-dejn tagħna. Jekk ma nkunux attenti u konxji tal-imġieba tagħna, nistgħu nsibu li għandna dejn kbir akkumulat mas-snin, għax inkunu drajna d-dnub u nnormalizzajna l-ħażen. Inkunu għalaqna għajnejna għall-ħażen u d-dnub tagħna, imma mhux bilfors ngħalqu għajnejna għad-dnub u d-difetti ta’ ħaddieħor. Fil-parabbola tal-lum hemm xi ħaġa li ma nistgħux ninjoraw: il-qaddej akkumula dejn li ma setax iħallas, imma ma kienx kapaċi jaħfer dejn żgħir ta’ ħaddieħor. Tħallihx jasal il-mument tal-kontijiet, imma rrealizza llum fejn qiegħed, għax imbagħad jaf ikun tard wisq. Nista’ nkun qed nissellef kontinwament mingħand il-ħniena ta’ Alla, imma qatt ma nieqfu biex nistaqsu: Kemm qed nakkumula? X’qed jiġri f’qalbi? Għadni kapaċi ngħid “dnub” lid-dnub? Għadni kapaċi nitlob maħfra?
